Lokali

Il-Gvern Laburista jibqa’ jistina rasu u jirvina pajjiżna – PN

Wara li intenzjonalment staġna s-sistema tal-ippjanar u rriduċa l-Awtorità tal-Ippjanar f’Awtorità tal-Permessi, il-Gvern Laburista ta struzzjonijiet lill-istess Awtorità biex tibda proċess li jikkonsolida interpretazzjonijiet żbaljati u ambigwi u tifformalizzahom billi temenda d-‘Development Control Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15)’ u l-Annex 2.

Dan id-dokument, li dgħajjef is-sistema tal-ippjanar meta fetaħ beraħ il-policies għal preċedenti perikolużi u interpretazzjonijiet suspettużi, hu wieħed mill-kawżi għal żieda fid-densità bla pjan, infrastruttura xpakkata, tniġġiż ambjentali, għoli fil-prezzijiet tal-propjetà u tkerrieh tal-ambjenti fejn ngħixu, naħdmu u nistrieħu.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Ministers Stanley Zammit u Rebekah Borg.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp dwar din il-materja, Uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermaw bis-silenzju tagħhom li l-ebda mis-16-il sottomisjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar review parzjali tad-‘DC15 – Policy P35’ ma kienux ikkunsidrati u l-Gvern se jibqa’ jistina rasu biex jifformalizza deċizjonijiet żbaljati li ġew anke kkontestati mill-Qrati ta’ Malta. Tant hu hekk li l-istess Uffiċjali enfasizzaw li b’dan it-tibdil mhu se jsir l-ebda titjib u kollox se jibqa’ l-istess.

Waqt li r-rappreżentanti tal-Gvern fuq dan il-Kumitat ftit li xejn ikkontribwixxew waqt din il-laqgħa, il-membri tal-Oppozizzjoni insistew li dan hu ezerċizzju ta’ lapazzar li se jkompli jirvina pajjizna għax hu bbażat fuq Strateġija Spazjali skaduta s-snin u nieqes minn studji importanti li janalizzaw kemm u x’tip ta’ żvilupp għandu jew jista’ jsir, il-‘carrying capacity’, x’tip ta’ investiment infrastrutturali hu meħtieg biex issostni tali żviluppi u s-sitwazzjoni u l-effett ta’ tali żviluppi fuq l-aspetti soċjali, kulturali, ambjentali u ekonomiċi għas-snin li ġejjin.

Dawn l-emendi mhu se jserħu ras ħadd, anzi se jżidu l-inċertezza u l-kumplikazzjonijiet kemm għas-sidien, kemm għall-iżviluppaturi, kemm għall-ġirien, kemm għall-bejjiegħa u anke għax-xerrejja.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern biex ma jitlifx okkażjoni u jinħeba wara l-pjanijiet lokali ta’ 18-il sena ilu biex jiġġustifika n-nuqqas serju ta’ ppjanar fl-aħħar 11-il sena, biex jagħti każ tan-nies li għajtet bl-aktar mod ċar li xebgħet, u jippublika kull studju riċenti li għandu li jirrigwardja l-ippjanar,

Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll li l-Gvren għandu jagħmel dawk l-istudji li għadhom ma sarux, jagħmel it-tibdiliet kif u fejn hemm bżonn, inklużi dawk fil-pjanijiet lokali, u konsegwentament jagħmel ir-review tad-‘Development Ċontrol Design Poliċy, Guidance and Standards 2015’ biex ikun jirriflettu l-pjanijiet lokali aġġornati, filwaqt li jneħħi u mhux iżid is-saffi bejn il-policies li ma jżidu l-ebda valur, fosthom l-Annex 2, minflok ma jibqa’ jillapazza bil-biċċiet li jwassluna biss għal soluzzjonijiet taparsi, ambigwi u nofs sajran, li joħolqu kontradizzjonijiet, iċajpru dak li verament irridu mill-ambjenti tagħna u jnaqru mill-kwalità tal-ħajja tagħna.