Lokali

“Il-Labour tilef il-kuntatt man-nies” – Joseph Muscat

Ma kellhomx jissejħu nies quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Labour

Il-Partit Laburista tilef il-kuntatt man-nies.

Sostna dan l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta dwar ir-riżultat elettorali, hekk kif insista li l-kandidati indipendenti kienu aktar awtentiċi.

L-eks Mexxej tal-Labour li preżentament jinsab akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mal-Inkjesta Vitals, saħaq li l-kuntatt tal-Partit Laburista mal-elettorat taħt it-tmexxija ta’ Abela spiċċa ittiekel.

Joseph Muscat insista li l-Labour irid jilqa’ fi ħdanu lil kulħadd u mhux ikollu strateġija ta’ reazzjonijiet mingħajr ħsieb jew mingħajr is-sostenn popolari tal-elettorat – attakk wieħed wara l-ieħor fil-konfront tat-tmexxija ta’ Abela, tant li fl-aħħar jiem qed jidher aktar minn qatt qabel li l-faxxa ta’ Muscat qed teħodha kontra dik attwali ta’ Robert Abela.

Joseph Muscat kompla jinsisti li l-Labour għandu bżonn strateġija ċara – fatt li jfisser li skont Muscat, taħt Abela din l-istrateġija m’għadhiex teżisti – attakk fuq it-tmexxija u l-leadership Laburista.

Mistoqsi jekk jaħsibx li hu nnifsu ħalla effett fuq ir-riżultat elettorali, Joseph Muscat sostna li huma n-nies li jiġġudikaw jekk affettwax fil-pożittiv jew fin-negattiv. U staqsa jekk ir-riżultat hux mertu tiegħu jew tal-aġir tal-Gvern.

Intant, Muscat kritika l-fatt li Robert Abela niżżel lin-nies jiċċelebraw ir-rebħa elettorali tal-Parlament Ewropew quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hekk kif saħaq li tali avveniment stona għal kollox mal-votant Laburista…li skont hu vvota biex iwassal messaġġ.