Aħna qed nistennew li kull pazjent jingħata d-dinjità li tixraqlu – u li l-Istat jiżgura li kull pazjent jiġi trattat b’rispett; irrispettivament mill-kundizzjoni jew marda li jkun qiegħed iġarrab. Sostniet dan persuna ma’ Net News li ommha preżentament għaddejja bil-kura hekk kif qed taffaċja l-isfida tal-marda tal-kanċer fil-mudullun – multiple myeloma li waslet saħansitra għal ksur fl-għadam.
Skont l-informazzjoni li kiseb Net News, waqt li kienet qed tirċievi l-kura… il-Bord Mediku ddeċieda li sabiex ommha tkun tista’ tfiq kellha bżonn preskrizzjoni ta’ tip ta’ kimoterapija oħra. Iżda kellhom joħorġu minn buthom €13,000 fix-xahar mingħajr l-għajnuna tal-Gvern.
Ovvjament filwaqt li ma tistax toqgħod mingħajr dan it-trattament għall-kancer, spjegat magħna li l-assigurazzjoni kienet lesta tħallas l-ewwel xahrejn.
Għaldaqstant hija insistiet magħna li qed tistenna li l-Istat ikun jista’ jgħin b’kull mezz possibbli wara snin ta’ ħidma għas-servizz tas-soċjetà….u insistiet li ma huwa veru xejn li l-Gvern iħallas għal kull forma ta’ kura f’Malta.
Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, l-infermieri, il-Hospice Malta u u l-Malta Community Chest Fund Foundation – appellat sabiex il-Gvern ma jħallix lil ommha waħedha fl-aktar mument li għandha bżonn.
//= $special ?>