Futbol Sport

Jidħlu fl-azzjoni l-favoriti Franza b’test diffċli kontra l-Awstrija

(Ritratt: EPA)

Awstrija v Franza – 9.00pm

Fil-Merkur Spiel Arena, jidħlu fl-azzjoni wieħed mit-timijiet favoriti li jirbħu din il-kompetizzjoni Franza li se jkunu qed jaffaċċjaw test delikat kontra l-Awstrija. Ċertament li t-tim ta’ Didier Deschamps se jibda bħala l-favorit f’din il-partita hekk kif Franza se jkunu qed iħarsu li jibdew dan it-tournament fuq nota pożittiva.

Din se tkun it-tielet darba li dawn iż-żewġ nazzjonijiet se jkunu qed jiltaqgħu f’tournament maġġuri. L-Awstrija fil-preżent jinsabu għaddejin mill-aqwa forma tal-pajjiż hekk kif kwalifikaw għal dan it-tournament punt biss wara l-Belġju. F’din l-edizzjoni it-tim ta’ Ralf Rangnick se jkun qed iħoss in-nuqqas tal-captain David Alaba li sofra injury f’irkopptu fejn minkejja dan xorta jinsab mal-kontinġent Awstrijak.

Minn naħa l-oħra Franza kwalifikaw b’mod faċli għal din l-edizzjoni fejn il-kowċ Didier Deschamps se jkunu qed jibbaża l-logħob tat-tim tiegħu fuq l-istilla l-ġdida ta’ Real Madrid Kylian Mbappe.

Belġu v Slovakkja – 6.00pm

Minn Grupp E, żewġ partiti, hekk kif l-Belġju se jkunu qed jilagħbu kontra l-Islovakkja. Ċertament li l-Belġju se jkunu qed jibdew bħala l-favoriti f’din il-partita minkejja li l-iskwadra ta’ Domenico Tedesco naqset xi ftit mill-kwalità minn dik tal-aħħar snin. Dan se jkun l-ewwel konfront f’kompetizzjoni maġġuri bejn iż-żewġ nazzjonijiet.

Il-kowċ tat-tim Slovakk Francesco Calzona qal li jinsab kuntent bl-iskwadra li għandu għal dan it-tournament u ċert li l-plejer tiegħu se jkunu qed jagħtu kollox matul il-partiti kollha.

Rumanija v Ukrajna – 3.00pm

F’partita oħra minn Grupp E, ir-Rumanija se jkunu qed jilagħbu kontra l-Ukrajna f’partita li tista’ tmur kull naħa. Din se tkun l-ewwel partita bejn iż-żewġ nazzjonijiet f’kompetizzjoni ta’ din ix-xorta hekk kif fil-passat lagħbu sitt partiti ta’ ħbiberija.

Ċertament li għaż-żewġ timijiet mhux se tkun faċli biex jikkwalifikaw. It-tim Ukren fuq il-karta jidher li għandu aktar plejer ta’ esperjenza li jilagħbu fil-kampjonati ewlenin fl-Ewropa fosthom Aleksandr Zinchencko u Mikhaylo Mudryk.

Il-kowċ Rumen, Edward Iordănescu qal li din hija ħolma li saret realtà li se jkun qed imexxi lit-tim tiegħu fl-EURO 2024 wara tmien snin, li l-aħħar li r-Rumanija kwalifikat għall-kompetizzjoni simili. Min naħa l-oħra, Serhiy Rebrov, kowċ tal-Ukrajna qal li kull avversarju matul din il-kompetizzjoni huwa diffiċli iżda t-tim tiegħu se jkun qed jiffoka fuq il-prestazzjoni tiegħu.