Lokali

Ma ħallewx lil Alex Agius Saliba jindirizza r-rally tal-Ħadd

Il-qasma fil-Labour hija evidenti aktar minn qatt qabel – realtà li l-esponenti Laburisti fiċ-Ċentru Nazzjonali qed jgħixuha ta’ kuljum. Bil-Mexxej laburista jitfa’ l-ħtija tar-riżultat elettorali fuq kulħadd, barra fuqu innifsu.

Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw li l-umiljazzjoni li ġarrab Robert Abela u l-vulnerabbiltà li issa qed iġorr wara telf ta’ eluf ta’ voti kemm fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anke fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed tissarraf f’korla indirizzata partikolarment lejn dawk li tul il-Kampanja Elettorali u anke qabel fetħu l-bibien tagħhom lil Joseph Muscat. Tant li fl-10 ta’ Ġunju, jum wara l-falliment tal-Labour fejn d-distakk naqas minn 42,000 għal 8,000 vot, Abela sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari u tal-Eżekuttiv biex jagħti ċamata kbira lil ta’ madwaru.

Imbgħad…fil-jiem ta’ wara…ta ċamata oħra lil  dawk li matul il-kampanja elettorali ħallew lil Joseph Muscat jirkeb il-karru tagħhom u jmexxi n-narrattiva tiegħu biex inaddaf ismu fid-dawl tal-Inkjesta Vitals.

Fost dawn…kien hemm iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard – b’mod partikolari il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fi Brussell. Dan hekk kif l-ewwel ma’ fetaħ il-bibien beraħ għal Muscat kien Agius Saliba li fil-bidu tal-kampanja tiegħu taħt tinda fi Pjazza Tritoni kien stiednu biex jitkellem – u min diskors ta’ endorsement spiċċa dawwru f’wieħed li instiga n-nies u ġibed lejh simpatija, hekk kif Muscat kien jaf li l-Inkjesta kienet waslet lejn tmiemha.

Wara l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-ġimgħa li għaddiet, issa Net News jinsab f’pożizzjoni illi jiżvela l-manuvri li saru fil-jiem ta’ wara – bi preparazzjoni għall-attività tal-Ħadd filgħodu f’Bormla. Bis-sorsi tagħna jispjegaw li l-qasma tant hi waħda fonda – u tant Robert Abela qed jitlef rasu – li fil-Mass Rally imsejjaħ fir-Rialto, ma żammewx post lil Alex Agius Saliba fit-Teatru. U meta induna x’għamlulu, huwa telaq ‘il barra fil-Pjazza quddiem ix-Xatt ta’ Bormla.

Bħala parti mill-istess manuvri, in-nies ta’ Abela iddeciedew li Alex Agius Saliba ma jindirizzax din l-attività wara li ġie ri-elett fi Brussell; il-kandidat li ġab aktar minn 60,000 vot. Dan filwaqt illi lil Daniel Attard  ħbewh fis-sala, biex tkellem biss Thomas Bajada – l-unika wieħed minn fosthom li ma stedinx lil Joseph Muscat f’attività waqt il-kampanja tiegħu.

U dan kollu ġie innutat min-nies li kienu preżenti f’Bormla l-Ħadd filgħodu.

Dawn il-manuvri qed jikkonfermaw dejjem aktar li Robert Abela mhux qed jafda biss lil ta’ madwaru għax tilef kull saħħa li seta’ kellu, u l-firda bejn il-faxxa ta’ Abela u tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat kompliet tikber wara r-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju.

Qasma li ċertament qed turi d-dgħjufija ta’ Abela u n-nuqqas ta’ kapaċità li jżomm kontroll – bil-Mexxej Laburista qed jispiċċa jimbutta ‘l barra lil min għandu l-arma tal-Labour għal qalbu.