Lokali Parlament

Mhuwiex aċettabbli li awtoritajiet bħall-ERA jiksru r-regoli


Robert Cutajar, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal fil-parlament li mhuwiex aċċettabbli li li awtoritajiet bħall-ERA jiksru r-regoli.


Robert Cutajar qal li wasal iż-żmien li ssir diskussjoni dwar liġi denja fil-konfront tal-effetti tal-ħsejjes u d-dwal. Hu sostna li l-parlament għandu jieħu bis-serjetà liġijiet dwar it-titjib fil-kwalità tal-ħajja u enfażizza l-importanza tal-infurzar.


Hu staqsa jekk hux qed isir infurzar f’Kemmuna u jekk min kien jabbuża għadux jabbuża bi ksur tar-regoli. Bil-barka tal-awtortajiet, qed isiru irregolaritajiet f’Kemmuna, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li f’Kemmuna m’għandux ikun hemm abbużi bid-deckchairs f’żoni protetti. L-ERA setgħet għamlet ħafna iktar iżda baxxiet rasha quddiem il-ministru li ppermetta l-abbuż. L-ERA għandha tibgħat messaġġ dwar Kemmuna biex tkabbar il-kredibbiltà tagħha.


Hu semma’ Spencer Gardens u qal li l-ERA kisret ir-regoli fix-xogħlijiet. L-ERA għandha tagħti l-eżempju u mhux aċċettabbli li awtorità bħall-ERA tikser ir-regoli.


Robert Cutajar tkellem dwar Eko-Skola u qal li r-rapport ta’ Eko-Skola għandhom ikunu diskussi fil-parlament. Hu semma’ l-Park tal-Majjistral u qal li l-gvern jista’ jagħti ħafna iktar f’dan il-park fejn hemm l-aqwa bio-diversità billi jkun hemm fondi allokati għal dan il-proġett. Il-gvern għandu jinvesti wkoll fir-rangers f’dawn il-parks.


Dwar Selmun u l-Imġiebaħ, Robert Cutajar qal li l-PN qed jipproponi li din iż-żona tkun konvertita f’park nazzjonali. X’qed jistenna l-gvern biex iwaqqa’ l-lukanda abbandunata li hemm f’Selmun? Meta se jiddikjara l-gvern li jaqbel mal-proposta tal-PN dwar park nazzjonali f’Selmun u l-Imġiebaħ.


Jekk il-gvern jiddeċiedi favur lukanda f’Selmun allura din għandha tkun ikkunsidrata fil-kuntest tal-agri-turiżmu. Gvern Nazzjonalista u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mmexxi mill-PN kien investa €1 miljun fl-irziezet li hemm fiż-żona għaliex dawn għandhom valur.


Robert Cutajar kompla li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jirreġistra l-ogħla emissjonijiet ta’ tniġġiż fl-arja fl-UE.