Ewropa Lokali

Roberta Metsola nominata għat-tieni mandat bħala President tal-Parlament Ewropew

Ġimgħa mindu ġiet eletta b’rekord ta’ aktar minn 87 elf vot mill-poplu Malti u Għawdxi, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ħabbret li aċċettat in-nomina biex tkun il-kandidata tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew għal President tal-Parlament Ewropew.

F’kumment li tat lil Net News, Roberta Metsola qalet li d-deċiżjoni ħaditha f’isem Malta u Għawdex. Qalet li fl-aħħar jiem kellha diskussjoni mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u ma’ kollegi fil-Parlament Ewropew dwar dan il-pass importanti.

Roberta Metsola qalet li l-fiduċja kbira li taha l-poplu Malti u Għawdxi l-ġimgħa li għaddiet poġġiet fuqha responsabbiltà akbar minn qatt qabel biex tirrapreżenta bl-aqwa mod lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

“Nifhem li dan huwa vjaġġ ta’ sfidi kbar, iżda bl-appoġġ tagħkom, nistgħu naslu u pajjiżna jkun rappreżentat fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, filwaqt li nkun nista’ nibqa’ nxejjer il-bandiera Maltija kull fejn inkun, se nkun qed naħdem b’aktar determinazzjoni u enerġija f’pajjiżna u fil-Partit Nazzjonalista biex inkun parti minn din il-mewġa ta’ bidla f’Malta u f’Għawdex,” saħqet il-President Metsola,

In-nomina ta’ Roberta Metsola biex isservi it-tieni mandat tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew qed titqies bħala waħda storika. Fost oħrajn għaliex kien President wieħed biss li serva għal żewġ termini konsekuttivi – il-Ġermaniż mill-grupp tas-Soċjalisti Martin Schulz li serva bejn l-2012 u l-2016. Jekk jirnexxiela tirbaħ l-elezzjoni li se ssir fl-ewwel plenarja wara l-elezzjoni li se titlaqqa fi Strasburgu fis-16 ta’ Lulju, Roberta Metsola tkun l-ewwel mara li ingħatat it-tieni mandat biex tmexxi l-istituzzjoni.

Analisti tal-politika Ewropea qed jgħidu li filwaqt li MEPs minn gruppi politiċi differenti esprimew ix-xewqa li Metsola tibqa tirrapreżentahom bħala President, riżultat tat-tmexxija tajba li kellha minkejja mumenti ta’ sfidi kbar, mhux jeskludu li tista’ tkun elezzjoni missielta. Dan fost oħrajn minħabba li gruppi politiċi differenti jistgħu iressqu l-kandidati tagħhom għat-tellieqa biex ikunu huma li jmexxu l-istituzzjoni Ewropea għas-sentejn u nofs li ġejjin. Fl-elezzjoni ta’ ġimgħa ilu, l-Partit Popolari Ewropew li l-Partit Nazzjonalista jifforma parti minnu, żied 14-il siġġu biex tela għal aktar minn 190 deputat minn fost 720 MEP.

Dan iżda ifisser li trid tiġi ffurmata koalizzjoni ma gruppi politiċi oħra biex flimkien jiffurmaw maġġoranza ta’ siġġijiet. Is-soċjalisti naqsu għal 134 siġġu waqt li l-liberali, li jifforma parti minnu il-partit ta’ Emmanuel Macron ta’ Franza rreġistraw l-akbar telf billi niżlu għal 80 siġġu – erba’ iktar mill-konservattivi li tagħmel parti minnu il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni.

Metsola li għandha 45 sena u omm ta’ erbat itfal, kienet l-ewwel politiku Malti li ġiet fdata bit-tmexxija ta’ istituzzjoni Ewropea f’Jannar ta’ sentejn ilu wara li kisbet il-maġġoranza assoluta tal-voti. Hija kkontestat kontra tliet MEPs oħra.