Lokali

“Tliet Maltin waqt is-Summit għall-Paċi” – Ian Borg

Jekk qatt kien hemm xi dubju li l-Labour mexa b’kampanja ta’ gideb u attakki bla ebda bażi fuq il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola issa dan huwa uffiċjali saħansitra mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.

Dan hekk kif wara ġimgħat sħaħ li Robert Abela u sħabu għamlu jattakkaw lil Metsola li xtaqet il-gwerra u kellha jdejha mċappsin bid-demm, jew saħansitra bin-narrattiva surreali li trid tibgħat lill-ulied Maltin u Għawdxin fil-gwerra… sempliċiment għax bdew jibżgħu minnha bħala avversarju politiku – dan kollu issa sparixxa.

Tant kemm dik in-narrattiva kienet gimmick li issa, f’daqqa waħda, għal Ian Borg, Roberta Metsola qed tinsisti għall-paċi.

Dan wara li flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono qed jattendu flimkien mal-Ministru Ian Borg għas-Summit għall-Paċi fl-Ukrajna fl-Iżvizzera.

B’sens ta’ kburija, Borg ippubblika ritratt flimkien ma’ Metsola u Spiteri Debono fejn saħaq li huma tliet Maltin fost mitt mexxejja ta’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Huwa ċar li Ian Borg ma jemminx dak li ilu jipprova jagħti x’jifhem Robert Abela li Metsola hija favur il-gwerra u l-ġlied – gidba u bużżieqa oħra ta’ Abela li nfaqgħet u sfumat fix-xejn.