Tnejn u tletin nazzjon, 112-il logħba u sebat ijiem sħaħ ta’ logħob. Uħud mill-ingredjenti għall-akbar edizzjoni tal-Kampjonat tad-Dinja ta’ taħt is-16-il sena tal-waterpolo organizzat mill-World Aquatics li se ssir f’pajjiżna.
F’din l-edizzjoni se jipparteċipaw għall-ewwel darba 12-il nazzjon. Dawn huma l-Perù, iċ-Ċina, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, iż-Żimbabwe, Singapore, New Zealand, Iżrael, l-Olanda, il-Messiku, il-Kanada u r-Rumanija.
Dan it-tournament li se jintlagħab kemm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq kif ukoll fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, hu organizzat ftit jiem biss wara li aktar kmieni dan ix-xahar f’pajjiżna saret il-fażi finali taċ-Champions League organizzata mill-European Aquatics.
Fl-aħħar edizzjoni ta’ sentejn ilu f’Volos, it-tim nazzjonali Malti kklassifika fit-12-il post filwaqt li fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-15-il sena ta’ sena ilu f’Podgorica, Malta spiċċat fl-10 post. Fatt pożittiv hu li minn din l-iskwadra li kisbet ir-riżultat pożittiv fil-Montenegro sena ilu, hemm prattikament l-istess skwadra. Għaldaqstant dan hu sinjal ta’ kontinwità mill-kowċ nazzjonali Jonathan Valletta hekk kif anki l-istess żgħażagħ diġà qed ikunu utilizzati fil-kampjonati tal-irġiel.
Malta telgħet fi Grupp H flimkien mal-finalisti tal-aħħar edizzjoni l-Greċja, il-Każakistan u r-Rumanija. L-ewwel impenn hu llum kontra l-Każakistan, għada kontra r-Rumanija u l-aħħar impenn tal-grupp kontra l-Greċja. Il-logħbiet tat-tim Malti jibdew fis-7.00pm. Wara dawn il-logħbiet jintlagħbu l-logħbiet ta’ klassifikazzjoni.
F’konferenza stampa lejliet l-ewwel logħba, il-President tal-ASA Karl Izzo qal li l-ħsieb hu li ħafna minn dawn il-plejers jiffurmaw parti mit-timijiet nazzjonali ta’ taħt is-16 u t-18-il sena. L-għan prinċipali hu li Malta tispiċċa mal-ewwel tnejn fil-grupp. Izzo ħabbar li f’pajjiżna hu mistenni li jattendi l-President tal-World Aquatics Husain Al Musallam bejn it-22 u l-24 ta’ Ġunju. Il-President tal-ASA rringrazzja lil diversi nies li għamluha possibbli biex ikun jista’ jiġi organizzat dan il-Kampjonat tad-Dinja b’mod partikolari lill-amministrazzjoni tal-ASA.
Fuq nota oħra, Karl Izzo qal li għall-ewwel darba, it-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena se jipparteċipa f’kompetizzjoni maġġuri bħal dik tal-Kampjonat Ewropew. Malta tinsab fil-grupp ma’ Spanja u l-Ukrajna bl-għan li tal-anqas tintrebaħ logħba. It-tim se jkun immexxi minn Aurelien Cousin assistit minn Kayne Lanzon.
Skwadra finali tat-tim Malti
Andrè Aquilina (Neptunes), Zack Attard (San Ġiljan), Jamie Borg Tabone (Neptunes), Miguel Cassar (Birżebbuġa), Shailon Cutajar (San Ġiljan), Zack Dzanovic (Sliema), San Engerer (Sliema), Andreas Fava (Neptunes), Tom Fenech (Sliema), Vito Figliomeni (Sliema), Max Lanzon (Neptunes), Benji Lewis (Neptunes), Sean Mifsud (Neptunes), Jack Pawley (Neptunes), Philip Tabone (Sliema)
It-tim se jkun immexxi mill-kowċ nazzjonali Jonathan Valletta assistit minn Ryan Coleiro. It-Team Manager hu Kenneth Camilleri. Jed el Shagir hu l-fiżjoterapist tat-tim filwaqt li se jieħu ħsieb il-preparazzjoni fiżika.
Il-gruppi kollha
Grupp A: Serbja, Ċina, Perù, Brażil
Grupp B: Spanja, Bulgarija, Repubblika Ċeka, Żimbabwe
Grupp Ċ: Ungerija, Singapore, Ġermanja, Polonja
Grupp D: Stati Uniti, New Zealand, Iżrael, Olanda
Grupp E: Italja, Georgia, Messiku, Ukrajna
Grupp F: Montenegro, Slovenja, Afrika ta’ Isfel, Eġittu
Grupp G: Kroazja, Kanada, Turkija, Awstralja
Grupp H: Greċja, Malta, Każakistan, Rumanija
//= $special ?>