Lokali

“Bżonn ta’ Gvern li għalih l-edukazzjoni, l-istudenti u l-edukaturi ikunu prijorità” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib kbir dwar in-nuqqas ta’ prijorità mogħtija mill-Gvern għall-edukazzjoni, l-istudenti u l-edukaturi f’Malta. Hu ċar li Robert Abela hu wisq mifxul bl-inkwiet li ħoloq hu stess fil-Partit Laburista biex jikkonċerna ruħu biex jassigura l-aħjar edukazzjoni għal uliedna.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija miktuba mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli li s-sitwazzjoni preżenti fl-MCAST, fejn aktar minn 8,000 student qed jinżammu fid-dlam dwar l-istatus tal-eżamijiet u l-assessjar tagħhom, hi riżultat dirett tan-nuqqas tal-Gvern, li jindirizza l-bżonnijiet tal-edukaturi. Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni rrimarka li l-istudenti għandhom dritt ikunu jafu r-riżultati tal-istudji tagħhom, iżda r-responsabbiltà għal dan kollu taqa’ fuq il-Gvern.

Il-Gvern għandu jressaq proposta li tirrispetta lill-edukaturi u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, mhux biss fl-MCAST, iżda wkoll fil-ftehim settorjali tal-edukaturi in ġenerali. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata u jpoġġi lill-edukazzjoni fuq quddiem tal-aġenda tiegħu, għall-ġid tal-futur tan-nazzjon tagħna.