Lokali

Ebda ċaħda mil-Labour dwar il-leaks ippublikati lbieraħ minn Net News

Ilbieraħ, sorsi ta’ Net News qalu magħna li l-qasma tant hi waħda fonda – u tant Robert Abela qed jitlef rasu – li fil-Mass Rally imsejjaħ fir-Rialto, ma żammewx post lil Alex Agius Saliba fit-Teatru. U meta Agius Saliba nduna x’għamlulu, huwa telaq ‘il barra fil-Pjazza quddiem ix-Xatt ta’ Bormla.

U agħar minn hekk, bħala parti mill-istess manuvri, in-nies ta’ Abela iddeciedew li Alex Agius Saliba ma jindirizzax din l-attività wara li ġie elett mill-ġdid fi Brussell.

Quddiem din l-aħbar li żvela Net News, ħadd mil-Labour ma ħareġ jiċħadha.

L-umiljazzjoni li ġarrab Robert Abela u l-vulnerabbiltà li issa qed iġorr wara telf ta’ eluf ta’ voti kemm fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anke fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed tissarraf f’korla indirizzata partikolarment lejn dawk li tul il-Kampanja Elettorali u anke qabel fetħu l-bibien tagħhom lil Joseph Muscat. Tant li fl-10 ta’ Ġunju, jum wara l-falliment tal-Labour fejn d-distakk naqas minn 42,000 għal 8,000 vot, Abela sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari u tal-Eżekuttiv biex jagħti ċamata kbira lil ta’ madwaru.

Imbgħad, fil-jiem ta’ wara, ta ċamata oħra lil dawk li matul il-kampanja elettorali ħallew lil Joseph Muscat jirkeb il-karru tagħhom u jmexxi n-narrattiva tiegħu biex inaddaf ismu fid-dawl tal-Inkjesta Vitals.

Fost dawn kien hemm iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard – b’mod partikolari il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fi Brussell. B’Agius Saliba li ta bidu l-kampanja tiegħu taħt tinda fi Pjazza Tritoni billi stieden lil Muscat jitellem – diskors li dawwru f’wieħed li instiga n-nies u ġibed lejh simpatija, hekk kif Muscat kien jaf li l-Inkjesta kienet waslet lejn tmiemha.

Intant, fl-attività tal-Ħadd, Daniel Attard ġie wkoll imwarrab min-nies ta’ Abela hekk kif ħbewh fis-sala. Biex tkellem biss Thomas Bajada – l-unika wieħed minn fosthom li ma stedinx lil Joseph Muscat f’attività waqt il-kampanja tiegħu.

Dan kollu ġie innutat min-nies li kienu preżenti f’Bormla l-Ħadd filgħodu.