Lokali

Familji msakkrin fi djarhom; il-Gvern ilu x-xhur ma jħallas il-pagamenti lill-kumpanija tal-lifts

Anzjani, familji bit-trabi, u persuni b’diżabbiltà kollha spiċċaw imsakkrin għal ġimagħtejn fi djarhom, ma jistgħux joħorġu… għas-sempliċi raġuni li l-Gvern għadu ma ħallasx il-pagament annwali lill-kumpanija tal-lift; iktar minn sitt xhur wara bidu ta’ sena ġdida.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna kif għaxar familji ilhom mal-15-il ġurnata bla servizz ta’ lift fi blokka tal-housing. Sitwazzjoni li dwarha ma jistgħu jagħmlu xejn għajr iserħu fuq dawk responsabbli sabiex jieħdu azzjoni llum qabel għada.

“Qegħdin bla lift, ilna 15-il ġurnata, deħlin fit-3 ġimgħa. Ċempilt lill-housing biex ninfurmahom ma jtukx informazzjoni. Inċempel ‘l hemm u nċempel ‘l hawn u sirt naf li l-housing għandhom agreement mal-kumpanija tal-lift biex iħallsuhom ċertu somma kull sena. U dan il-pagament ma sarx minn naħa tal-housing.”

B’dawn il-familji li qed kollhom jitilgħu sa erba’ sulari taraġ sabiex joħorġu minn djarhom, b’dawk li ma jifilħux jitilgħu u jinżlu dan it-taraġ kollu, qed ikollhom jibqgħu msakkrin ġewwa.

“Hemm persuna għandha 77 sena għandha bżonn il-lift, familji fit-trabi u l-pushchair iridu jitilgħu sar-4 sular, persuna oħra li għamlet operazzjoni u ma tistax toħroġ mid-dar u tinżel it-taraġ. Kieku hemm il-lift anke tgħid tmur tixtri xi ħaġa, imma limitati bla lift. Ma jagħtux kasek.”

B’din il-persuna tgħidilna li saħansitra offrew li jħallsu l-ispejjeż tal-ħsarat tal-lift huma quddiem in-nuqqasijiet tal-Gvern.

“Jekk tal-housing ma ħalsux il-pagament, tal-lift mhux se jiġu jħallsu, naturalment. Jien offrejt li nħallsu l-ħsara tal-lift aħna minn butna imma tal-lift m’aċċettax għax qalulna li l-ispiża hi kbira. U tal-housing qaltli ma tistax.”