Gowl fl-aħħar sekondi tal-logħba ta rebħa diffiċli iżda prezzjuża lill-Portugall fir-Red Bull Arena f’Leipzig. Konfront li fih iċ-Ċeki għandhom iħossuhom sfortunati li ħarġu mil-logħba b’idejhom vojta wara sforz kollettiv.
Din il-logħba fissret żewġ rekords importanti fuq in-naħa Portugiża. Il-preżenza ta’ Cristiano Ronaldo fissret li sar l-ewwel plejer li lagħab f’sitt edizzjonijiet konsekuttivi tal-Kampjonat Ewropew filwaqt li l-preżenza ta’ Pepe fissret li sar l-ixjaħ plejer li lagħab waqt fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fl-età ta’ 41 sena.
Fl-ewwel taqsima, it-tim ta’ Roberto Martinez kellu aktar inizjattiva iżda l-pussess ftit sarrfuh f’okkażjonijiet kbar, bil-ġirjiet ta’ Rafael Leao ma bdewx iwasslu għal sitwazzjonijiet kbar ta’ skor.
Fit-tieni taqsima, il-Portugiżi ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva b’xutt ta’ Diogo Dalot minn barra l-kaxxa spiċċa ftit għoli. Fit-58 minuta, free-kick ta’ Cristiano Ronaldo kien indirizzat fil-lasta iżda ma kienx problema għal Stanek biex isalva.
Pjuttost kontra x-xejra tal-logħob, ir-Repubblika Ċeka marret fil-vantaġġ fit-62 minuta. Vladimir Coufal mil-lemin niżżel il-ballun fid-direzzjoni ta’ LUKÁŠ PROVOD li b’xutt mill-ewwel għar-rokna ma tax ċans lil Diogo Costa.
Il-gowl tad-draw wasal fid-69 minuta f’sitwazzjoni sfortunata għaċ-Ċeki. Minn kross mil-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Nuno Mendes ġiet salvata parzjalment mill-gowlkiper Stanek li mbotta l-ballun u ħabat ma’ sieq Robin Hranáč u spiċċa fix-xibka.
Ftit wara, Bernardo Silva ttanta xortih b’xutt mix-xellug li ġie blokkat tajjeb. Fit-78 minuta, Stanek reġa’ kien impenjat, din id-darba minn Vitinha, bix-xutt fil-baxx tiegħu jiddawwar f’korner. Okkażjoni għaċ-Ċeki erba’ minuti wara, b’xutt fil-baxx ta’ Tomas Soucek għadda ftit barra.
Il-Portugiżi kienu ħasbu li skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-88 minuta b’gowl tas-sostitut Diogo Jota wara li daqqa ta’ ras ta’ Cristiano Ronaldo ħabtet mal-wieqfa. Madankollu l-gowl tħassar għal offside millimetriku tal-veteran Portugiż.
Il-gowl tar-rebħa għall-Portugiżi wasal xorta fit-92 minuta. Is-sostitut Pedro Neto qabeż lil Coufal mix-xellug u tefa’ kross fil-baxx li ġie mxellef, bid-difensur Kranac żelaq mal-mument li se jagħmel kuntatt u l-ballun waqa’ quddiem is-sostitut l-ieħor FRANCISCO CONCEICAO li minn quddiem Stanek ma żbaljax.
//= $special ?>