Lokali Parlament

Il-gvern falla fl-enerġija… ebda garanzija dwar id-dawl għas-sajf


Ryan Callus, PN


Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna li tant il-gvern falla fl-enerġija li lanqas jista’ jagħti garanzija dwar jekk fis-sajf li ġej il-pajjiż hux se jkollu ġenerazzjoni u distribuzzjoni biżżejjed tad-dawl.


Ryan Callus tkellem dwar it-tnaqqis fil-ħela tal-ilma, l-użu tal-ilma tat-tieni klassi fl-agrikoltura, il-proġetti tal-pannelli tax-xemx, l-enerġija nadifa u l-involviment tal-privat u l-ilma tal-pjan u l-ilma tal-impjanti.


Hu staqsa jekk hux minnu hi li l-piping li sar minn Ta’ Qali sal-impjant ta’ Pembroke kellu jinbidel kollu wara li kien sar. Ryan Callus tkellem dwar il-livell ta’ plastics fl-ilma li qed tipproduċi l-WSC u staqsa x’inhuma l-livelli ta’ dawn il-plastics.


Dwar id-drenaġġ fil-baħar, Ryan Calus qal li l-gvern qed jgħid li dawn huma kollha kaġun ta’ terzi persuni u staqsa jekk il-WSC qattx hi responsabbli għad-drenaġġ fil-baħar ħdejn impjanti tal-WSC partikolarment f’Ta’ Barkat fix-Xgħajra. Il-Gvern għandu jagħti l-istampa kollha tas-sitwazzjoni. Hu qal li fl-2013, Malta kienet l-aqwa fl-Ewropa fil-kwalità tal-baħar u dan kien ċertifikat tant importanti għas-settur tat-turiżmu u fuq kollox għall-Maltin.


Hu appella biex ikun hemm iktar postijiet fil-lokalitajiet minn fejn in-nies ikunu jistgħu jixorbu.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar ir-reservoirs u l-bjar u dwar il-problemi dejjem jikbru ta’ għargħar fit-toroq. Hu qal li n-nies għandhom ikunu direzzjonati biex jużaw l-ilma tal-bjar.


Ryan Callus tkellem dwar l-enerġija u qal li l-gvern qed jigdeb meta jgħid li l-PN qed ibeżża’ fuq il-qtugħ tad-dawl. Il-PN qed jikkritika lill-gvern għaliex il-gvern mhux jagħti garanzija li mhux se terġa’ tirrepeti s-sitwazzjoni li l-pajjiż għadda minnha s-sajf li għadda.


Il-pajjiż għandu problema ta’ distribuzzjoni u għandu wkoll problema għax għamel l-aktar għażla li tniġġeż meta se jikri impjanti li jaħdmu bid-diesel, li jisewew €37 miljun u li se jintużaw għal 47 ġurnata biss. Fil-fatt, l-ERA qalet lill-gevrn li dawn il-ġeneraturi jistgħu jintużaw biss għal sena u tliet xhur tant kemm iħammġu. Ryan Callus spjega kif l-interconnector kien sar mill-Gvern Nazzjonalista u żied li l-gvern falla fil-manutenzjoni mill-Enemalta.


L-ewwel stqarrija tal-Enemalta wara l-qtugħ fid-dawl fl-aħħar ġranet kienet titkellem dwar ħsara f’turbina, imbagħad bidlu l-verżjoni għal ħsara fi switchgear; donnhom l-affarijiet inbidlu mill-Ħadd sat-Tnejn. Hu l-Gvern li qed inissel biża’ dwar qtugħ tad-dawl fis-sajf, sostna Ryan Callus.