Il-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti se tkun iffukata fuq l-issues li jolqtu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal dan fl-ewwel laqgħa li kellu mat-tliet Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fil-laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u mal-Membri Parlamentari Ewropej David Casa u Peter Agius, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ferħilhom għar-riżultat elettorali tagħhom u qal li dan ikkontribwixxa għar-riżultat elettorali li kiseb il-Partit Nazzjonalista. Kompla li l-messaġġ li l-poplu bagħat f’dawn l-elezzjonijiet irid ikun rifless fil-ħidma li trid issir fi Brussell.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ħidma tal-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista trid tkun ikkordinata biex tirrifletti l-prijoritajiet li l-Partit poġġa fil-Programm Elettorali tiegħu għal dawn l-elezzjonijiet. Matul il-laqgħa ssemmew ukoll temi ta’ importanza nazzjonali, bħall-armonizzazzjoni tat-taxxa, kif ukoll id-drittijiet ċivili li f’ħafna okkażjonijiet jispiċċaw jintużaw bħala ballun politiku. Tema oħra importanti għad-delegazzjoni tal-MEPs Nazzjonalisti hi s-sigurtà tal-ikel u l-ħarsien tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.
Matul il-laqgħa ta’ dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista tkellmu wkoll dwar il-ħidma fil-kumitati, li mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin, u kif l-għażla tal-kumitati wkoll għandha tkun messaġġ tal-prijoritajiet tal-Partit, li jrid jibqa’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura lil Roberta Metsola, li hi l-uniku Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew, filwaqt li tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista biex Metsola tkun tista’ tkompli f’din il-kariga prestiġjuża li qed tgħolli isem pajjiżna fl-Ewropa u fid-dinja. David Casa u Peter Agius ukoll ferħu lil Metsola u wegħduha l-appoġġ tagħhom għal din l-elezzjoni u għall-ħidma tagħha tul dan il-mandat.
//= $special ?>