Żewġ gowls mill-isbaħ wittew it-triq biex it-Turkija tirbaħ kontra Georgia 3-1. F’dik li tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-aqwa jekk mhux l-aqwa logħba ta’ din l-edizzjoni sa issa, iż-żewġ timijiet offrew spettaklu ta’ logħob u minkejja li ħarġu telliefa, Georgia urew il-potenzjal li jagħtu battikata lil kulħadd.
It-Turkija fetħet l-iskor fil-25 minuta. Id-difiża ta’ Georgia biegħdet parzjalment kross mix-xellug ta’ Ferdi Kadioglu, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Mert Müldür li b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa ma tax ċans lill-gowlkiper avversarju. It-Torok kienu għoddhom skorjaw it-tieni gowl żewġ minuti permezz ta’ Kenan Yildiz iżda l-gowl tħassar b’intervent tal-VAR minħabba li l-attakkant kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Georgia rkuprat u ġabet id-draw fit-32 minuta. Giorgi Kochorashvili tefa’ kross fil-baxx mil-lemin lejn Georges Mikautadze li kompla għal ġewwa mill-ewwel. Dan kien l-ewwel gowl għal Georgia waqt fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.
Hakan Calhanoglu mar qrib fis-57 minuta b’xutt b’saħħtu minn free-kick li ħoloq diffikultà għal Giorgi Mamardashvili iżda l-gowlkiper blokka b’xi mod. Il-gowl tal-vantaġġ għat-Turkija wasal fis-66 minuta bi ġmiel ta’ xutt sabiħ taż-żagħżugħ Arda Güler li spiċċa fir-rokna xellugija ta’ fuq.
Reazzjoni immedjata ta’ Georgia li erba’ minuti wara laqtu l-lasta b’konklużjoni ta’ Kochorashvili li stampat il-mimduda. It-Turkija setgħet aċċertat mir-rebħa aktar kmieni mit-tisfira finali b’daqqa ta’ ras ta’ Yusuf Yazici li ġiet salvata b’mod stupend minn Mamardashvili. Georgia tefgħet kollox fuq l-attakk u fl-aħħar minuti laqtet il-wieqfa filwaqt li Samet Akaydin blokka b’daqqa ta’ ras, xutt li deher destinat għal ġewwa.
Kien fl-aħħar sekondi tal-logħba li t-Turkija skorjat it-tielet gowl. Bil-plejers kollha ta’ Georgia fl-attakk, Kerem Aktürkoğlu avvanza bil-ballun u xeħet f’xibka vojta minn kontrattakk.
//= $special ?>