Lokali Parlament

Jeħtieġ politika ekonomika li taħdem għan-nies u mhux toħloq skjavitu modern


Jerome Caruana Cilia, PN


Il-Partit Nazzjonalista jrid politika ekonomika li taħdem għan-nies u mhux toħloq skjavitu modern. Hekk saħaq id-deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia, waqt intervent fil-Parlament f’diskussjoni dwar l-estimi tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA).


Jerome Caruana Cilia ta bosta eżempju ta’ kif is-sistema ekonomika ta’ pajjiżna li tinċentiva ċ-cheap labour u tiffoka purament fuq kwalità aktar milli kwantità, qed ixxejjen il-livell tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u toħloq riskji akbar li qed jipperikolaw ħajjet in-nies fuq il-lant tax-xogħol.


Jerome Caruana Cilia fakkar kif 20 persuna tilflet ħajjitha fuq il-post tax-xogħol bejn l-2022 u l-2023, fil-parti l-kbira żgħażagħ jew persuni fl-aħħar snin tal-karriera tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa fakkar fil-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, traġedja li minkejja li wasslet għal numru ta’ riżenji, għadha ma wasslitx għar-riformi tant bżonjużi fis-settur. Id-deputat Caruana Cilia kkwota mill-inkjesta pubblika dwar dan il-każ, li kixfet taħwid sħiħ fl-operat tal-istituzzjonijiet differenti tal-gvern, deskritta bħala comedy of errors, fejn kulħadd jimxi fuq il-binarju tiegħu, bla ma jrendi kont lejn ħadd.


Nittama biss li qatt ma jerga’ jkollna sitwazzjoni klassika tal-comedy of errors, ċirkostanzi li ħallew żagħżugħ Malti innoċenti mimli energija, mimli ħajja, vittma tal-kilba u r-rgħiba, insista Jerome Caruana Cilia.


Id-deputat Nazzjonalista ddedika wkoll parti mid-diskors tiegħu biex ifakkar kif is-saħħa ma tfissirx biss dik fiżika iżda wkoll dik mentali. Huwa spjega kif il-politika ekonomika taċ-cheap labour imħaddma mill-Gvern Laburista qed twassal għal diffikultajiet kbar fost il-ħaddiema u familja Maltin. Huwa kwota stħarriġ riċenti li sab li kważi 70% tal-ħaddiem esperjenzaw problemi marbuta ma’ saħħa mentali b’rabta mal-ħajja tagħhom fuq ix-xogħol, trend li qed tikber sena wara l-oħra. Skont Caruana Cilia, il-pressjoni kbira fuq il-familji biex ilaħħqu ma’ spejjeż, għoli tal-ħajja, traffiku u obbligi oħra qed ipoġġu stress kbir fuq il-ħaddiema u l-familjari tagħhom.


Dwar l-OHSA, Jerome Caruana Cilia faħħar il-kontribut tal-ħaddiema tagħha u esprima rikonoxximent għal progressi li għamlet biex timmodernizza l-proċeduri tagħha, iżda appella biex dan ikun rifless fir-rieda minn fuq, kif ukoll biex ikollha l-allokazzjoni finanzjarja neċessarja biex timplimenta l-politika tagħha bl-aħjar mod possibbli.


Naf li għal ħafna dan jista’ jkun tragward impossibbli, imma nħares lejn dak il-jum li fih ikollna sena sħiħa mingħajr fatalità waħda fuq il-post tax-xogħol, temm jgħid id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.