Iż-żjara tal-President Russu Vladimir Putin fil-Korea ta’ Fuq għandha tkun waħda sinifikanti minħabba ‘dak li għandu joħroġ’ mil-laqgħat ipprogrammati mal-ogħla tmexxija fi Pyongyang….Laqgħat li, fost oħrajn, jikkonfermaw id-diversi livelli ta’ appoġġ mir-reġim komunista għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.
Aktar mit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, mistenni li l-President Putin jissieħeb fi ftehim ieħor għax-xiri ta’munizzjon mingħand Pyongyang biex ikompli bil-kunflitt militari fl-artijiet Ukreni.
Fl-istess ħin, il-ftehim kapaċi anki jinkludi forom ta’ għajnuna teknika lill-Koreani komunisti għall-iżvilupp tal-armamenti nukleari – b’din is-sitwazzjoni qed tħasseb sew lill-pajjiżi tal-Punent….Intant mistenni li Putin minn hawn ftit tal-ħin ieħor se jiltaqa’ ( fi Pyongyang) mal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong Un, bħala ‘l-ewwel impenn taż-żjara’.
L-aħħar laqgħa bejn Putin u Kim kienet saret f’Settembru fil-belt Russa ta’ Vladivostok – u din iż-żjara tal-President Russu fi Pyongyang, fil-fatt, hi l-ewwel waħda tiegħu mis-sena 2000.
L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel ilhom jakkużaw lill-Korea komunista b’li qed tissupplixxi lir-Russja bl-artillerija u tagħmir ieħor tal-gwerra. Dan x’aktarx li bi skambju ma’ għajnuna tal-ikel flimkien ma’ forom ta’ għajnuna u konsulenzi relatati mas-settur nukleari.
Kemm ir-Russja u anki l-Korea ta’ Fuq qegħdin jiċħdu li huma marbutin b’xi patt għall-proviżjoni tal-armi. Madankollu, il-Punent mhux jemmen dawn l-istqarrijiet, speċjalment wara r-reġimi ta’ Moska u Pyongyang, is-sena l-oħra, ħalfu biex isaħħu r-rabtiet fuq livell militari.
Mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022, il-President Putin spiċċa iżolat u mwarrab mill-Punent — u ilu l-aħħar snin ifittex li jsaħħaħ l-alleanzi ma’ pajjiżi bħall-Ikorea ta’ Fuq, l-Iran u ċ-Ċina.
Min-naħa tagħhom, l-osservaturi qegħdin jaqblu li l-Korea ta’ Fuq mgħandhiex xi valur partikulari għar-Russja mill-aspett ekonomiku. Madankollu, huma fakkru li l-Istat komunista għandu abbundanza ta’munizzjon u armi waqt li – kuntrarju għal pajjiżi oħrajn – jinsab lest biex ibiegħhom lir-Russi li jeħtieġu dejjem aktar tagħmir tal-gwerra biex ikomplu bil-kunflitt fl-Ukrajna.
//= $special ?>