Futbol Sport

Kylian Mbappe jsofri ksur f’imnieħru

(Ritratt: EPA)
Jinsab dubjuż għal kontra l-Olanda

Kylian Mbappe sofra minn ksur f’imnieħru iżda mhux se jkollu bżonn operazzjoni immedjata. L-attakkant ta’ 25 sena kien sfurzat joħroġ mil-logħba fir-rebħa ta’ 1-0 li Franza kellha kontra l-Awstrija u għadu mhux magħruf jekk hux se jkun disponibbli għal kontra l-Olanda nhar il-Ġimgħa.

Stqarrija tal-Federazzjoni Franċiża qalet li Mbappe se jkollu maskra protettiva u l-ksur kien konfermat wara li ttieħed fi sptar f’Dūsseldorf. Hu rritorna fil-bażi tat-tim Franċiż u fil-jiem li ġejjin se jsirlu trattament mingħajr ma jkun operat mill-ewwel.

Il-mument li fih weġġa’ Mbappe (Ritratt: EPA)

L-inċident seħħ fl-aħħar parti tal-logħba, konsegwenza ta’ kolluzjoni bejn Mbappe u Kevin Danso, bl-attakkant Franċiż ħabat rasu mal-ispalla tal-Awstrijak meta kien fl-arja.

Il-kowċ nazzjonali Franċiż Didier Deschamps qal wara l-logħba li Mbappe ma kienx fl-aqwa kundizzjoni. Mistoqsi dwar il-preżenza tiegħu għat-tieni logħba tal-grupp, qal li mhux se jidħol fid-dettall mediku iżda sostna li t-tim Franċiż bi Mbappe dejjem se jkun aktar b’saħħtu. Deschamps żied li jekk l-aħbar ma tkunx pożittiva, ikollhom jissieltu mingħajru.

Mbappe skorja 47 gowl fi 80 logħba mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu iżda għadu qed jipprova jiskorja l-ewwel ballun fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Franza qed timmira li tirbaħ din il-kompetizzjoni għat-tielet darba.

Tags