Toni Bezzina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna fil-parlament li l-art agrikola tal-gvern għandha tmur għand il-bdiewa għal skopijiet agrikoli u mhxu tingħata għal skopijiet ta’ divertiment.
Toni Bezzina qal li art agrikola tal-gvern għandha titmexxa mill-aġenzija responsabbli mill-agrikoltura u appella lill-gvern biex jikkunsidra l-proposti tal-Oppożizzjoni biex jonqsu t-tbatijiet minn fuq il-bdiewa u r-raħħala fil-proċessi tal-użu tal-artijiet li ma jkunux agrikoli.
Id-deputat Nazzjonalista qal li il-ftit art li għandu l-gvern qed tmur għand min mhux bidwi minħejja tariffi għoljin. Hu semma’ r-riformi fil-liġi tal-kirjiet u qal li din ir-riforma kienet ta’ benefiċċju għall-agrikoltura iżda r-regoli japplikaw biss għal art privata u mhux għall-artijiet tal-gvern.
Dwar ir-reġistru ta’ artijiet agrikoli, Toni Bezzina qal li l-aktar importanti hu li l-bdiewa jingħataw artijiet x’jaħdmu biex il-prodott agrikolu jkun massimizzat.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-artijiet li m’humiex tajbin biex jinħadmu u qal li hu tajjeb li dawn qed jiġu identifikati biex fihom issir il-ħidma neċessarja biex dawn jingħataw lill-bdiewa partikolarment lil dawk żgħażagħ.
Jeħtieġ li ma jkunx hemm burokrazija żedja ma’ bdiewa li jridu jżidu l-ħamrija jew iħaffru ġiebja fl-għelieqi tagħhom. Il-bdiewa għandhom ikunu mgħejjuna f’dan ir-rigward.
Toni Bezzina qal li l-gvern għandu jintervjeni biex tingħata għajnuna għal dan l-iskop. Hu qal li qed ikun hemm dewmien esaġerat biex tinħareġ approvazzjoni għal strutturi agrikoli fuq artijiet tal-gvern. Dwar l-art Tal-Bebbux, Toni Bezzina qal li l-gvern għandu jikkonferma jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir żvilupp ta’ bini u jekk l-applikazzjoni kinitx irtirata.
Toni Bezzina qal li fil-Qajjenza l-gvern se jagħti art lill-privat biex tinbena meta l-istess gvern jgħid li jrid iżid l-ispazji miftuħa. Din hi sitwazzjoni kontradittorja, sostna Toni Bezzina, li tkellem ukoll dwar id-diġitilazzjoni tal-files tal-Awtorità tal-Artijiet u qal li din għandha ssir b’mod immedjat għaliex iktar ma jkunx hemm dewmien iktar jinħolqu problemi.