Internazzjonali

L-Istati Uniti: Sħana formidabbli u ‘heat alerts’ kontinwi għall-poplu

Ix-xjenzati qed jgħidu li ż-żidiet fit-temperaturi tad-dinja se jilħqu mill-ġdid livelli rekord matul is-sajf b’riżultat tal-bidliet fil-klima.

Sadanittant, il-meteoroloġisti u esperti oħrajn qablu li, matul is-sajf, għandu jinħass sew l-impatt tal-attività industrijali mill-potenzi kbar tad-dinja li jidhru li mhumiex jirrispettaw daqstant il-limiti stabbiliti għall-emissjoni tad-dħaħen u gassijiet velenużi fl-atmosfera.

U waqt li l-pajjiżi tal-Ewropa qed jippreparaw għal sensiela ta’ heatwaves matul is-sajf, l-Istati Uniti tinsab diġà fil-morsa ta’ sħana fenomenali li kapaċi tkompli taħkem sa, almenu, nofs-Awwissu.

It-temperaturi fl-Istati Uniti, illum, huma ħafna ogħla milli qatt kienu għal dawn iż-żmenijiet tas-sena matul is-snin sebgħin u t-tmeninijiet.

U s-sitwazzjoni tant saret gravi, li ‘il fuq minn 70 miljun Amerikan – jew wieħed minn ħamsa fost il-popolazzjoni tal-Istati Uniti – qed jiffaċċjaw hekk-imsejħa ‘heat alerts’ anki waqt li ż-żidiet fit-temperaturi qegħdin jilħqu livelli ġodda.

Il-‘heat alerts’ huma twissija partikularment urġenti għall-persuni vulnerabbli bħall-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali li kapaċi jġarrbu l-effetti (anki fatali) mill-fenomenu tas-sħana.

It-twissijiet, jew ‘heat alerts’, huma anki validi f’erba’ provinċji tal-Kanada u meta l-parti kbira tal-kontinent, bħalissa, għaddejja minn mewġa tas-sħana li fost oħrajn ikkaġunat sitwazzjonjiet ta’ nixfa straordinarja f’numru ta’reġjuni.

It-temperaturi fl-Istati Uniti,  illum u għada kapaċi  jibqgħu konsistenti mal-40 grad Celsius; bl-awtoritajiet fil-belt ta’ Chicago jikkonfermaw ‘sħana rekord għall-aħħar parti ta’ Ġunju’ meta mqabbla ma tas-snin preċedenti.

Sadanittant, l-iskwadri għall-emerġenzi qegħdin jikkumbattu man-nirien qalb l-aħrax u artijiet iddominati mill-foresta, ‘il hinn mill-belt ta’Los Angeles. Sitwzzjoni li wasslet biex il-mijiet tar-residenti jabbandunaw djarhom minħabba l-periklu.

Fl-istess ħin – u b’kuntrast assolut għal dan – kienu mistennija xi ħalbiet tax-xita fl-Istat ta’ Texas b’riżultat ta’ maltempata. Iżda mistenni wkoll li x-xita tkun segwita b’mewġa ta’ sħana oħra straordinarja fl-istess Stat u li tirrifletti x-xejriet tat-temp attwali madwar l-Istati Uniti.

Intant, ix-xjenzati qed jaqblu wkoll dwar l-elementi tat-temp mill-aktar imprevedibbli għal dan iż-żmien tas-sena. Dan għaliex waqt li l-parti kbira nett tal-Istati Uniti qed tinqela’ bis-sħana, ir-residenti fl-Istat ta’ Montana (mal-fruntiera ta’ Idaho u lejn il-Punent tal-pajjiż) qed jesperjenzaw perjodi dominati mill-inżul tal-borra…Fenomenu mill-aktar rari għax-xahar ta’ Ġunju.