Sitwazzjoni ddisprata għal eluf ta’ studenti fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija hekk kif il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu mal-għalliema b’detriment mhux biss għall-edukaturi imma anke għall-istudenti.
Fil-fatt, għal dawn l-aħħar ġimgħat, l-istudenti tħallew fid-dlam dwar il-progress tagħhom u studji ulterjuri possibbli, b’madwar 8,000 persuna qed tkun affetwata b’xi mod jew ieħor. Dan għaliex in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-marki li kisbu fl-eżamijiet u xogħol li wettqu qed twassal biex ma jkunux jistgħu japplikaw għal xi kors fl-Università ta’ Malta – u wisq inqas jistgħu jibdew jaħdmu fis-settur li huma studjaw fih.
Dan kollu qed iseħħ minħabba li l-Gvern ilu x-xhur iwiegħed lill-edukaturi kundizzjonijiet u pagi aħjar; iżda baqa’ ma wasalx. Bl-MUT sejħet tilwima industrijali għall-għalliema tagħha – fejn waħda mill-kundizzjonijiet tinkludi ż-żamma u l-ipproċessar tal-marki tal-istudenti, li ma jservux bħala invigilator waqt l-eżamijiet u ma jkunux parti mill-proċess tal-vivas.
Net News tkellem ma’ waħda mill-istudenti li tinsab fl-aħħar sena tagħha fil-kors tal-infermiera, Martina Farrugia illi qasmet magħna dak li qed jesperjenzaw l-istudenti minħabba din is-sitwazzjoni xejn sabiħa.
Sitwazzjoni li mhux biss qed taffetwa lis-settur edukattiva iżda anke kull settur ieħor tax-xogħol hekk kif mijiet ta’ studenti ma jistgħux jibdew jaħdmu fil-professjoni li huma studjaw għaliha. Fost dawn hemm għadd ta’ infermiera – settur li jinsab għarkubtejh, kif spjegatilna l-istudenta Petra Dingli.
Intant, l-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jappella liż-żewġ naħat biex jidħlu fi qbil ħalli tissolva t-tilwima industrijali attwali, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li kemm l-edukaturi kif ukoll il-Kulleġġ qegħdin hemm biex jipprovdu servizz fundamentali lis-soċjetà – l-edukazzjoni taż-żgħażagħ.
//= $special ?>