Lokali

“L-unika biża’ hi l-fatt li Miriam Dalli għadha ma tatx assigurazzjoni li mhux se jinqata’ d-dawl” – PN

“Minflok toqgħod tgħajjar u tivvinta fuq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament ilbieraħ, kien ikun aħjar li kieku Miriam Dalli tagħti assigurazzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi li mhux se jerġa’ jkollna sajf ta’ qtugħ ta’ dawl bħalma kellna s-sajf li għadda.”

Kien dan li qal ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus fi staqrrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista wara n-nuqqas ta’ assigurazzjoni minn Miriam Dalli, li mhux se nerġgħu ngħaddu minn dak li għaddejna s-sajf li għadda. Bis-sidien ta’ ristoranti, ħwienet, volontiera tal-festi u residenti, bir-raġun, jistaqsu hux se jerġa’ jkollna sajf bla dawl.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistax jibqa’ jbati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ppjanar ta’ Robert Abela u Miriam Dalli hekk kif il-poplu jixraqlu tmexxija ta’ kwalità, li biha jkun hemm assigurazzjoni tas-servizz tad-dawl.