Lokali

Mill-kandidati…għall-kontroversji interni

F’erbatax-il punt, l-editorjal tal-gazzetta ‘Illum’ kixef in-nuqqasijiet tal-Partit Laburista illi wasslu biex tilef siġġu fil-Parlament Ewropew u biex tilef il-maġġoranza f’10 Kunsilli Lokali – mill-għażla tal-kandidati għall-immaniġġjar tal-kontroversji interni.

L-editorjal jibda billi jikkritika lill-Partit Laburista għal dak li sejjaħ strateġija “bla ħsieb” fl-għażla tal-kandidati.

Il-gazzetta ‘Illum’ tqajjem punt importanti dwar l-eks mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat illi issa jidher li l-influwenza tiegħu qed tbeżża’ lill-votant moderat u lil dak li “jaħseb b’moħħu.” Barra minn hekk, l-editorjal jitkellem fuq esponenti bħal Daniel Micallef u Randolph Debattista, fejn jinnota l-interess akbar ta’ Micallef fil-ħidma professjonali tiegħu milli fil-ħtiġijiet tal-partit. Dan filwaqt illi jittimbra lil Debattista bħala “medjokri”.

L-Editorjal kompla billi spjega kif il-kampanja tal-Labour kienet intiża biex tiddefendi l-indifensibbli; bħall-każ ċelebri tal-Ministru Roderick Galdes fis-Siggiewi, dak ta’ Muscat u l-inkonsistenza fuq ir-riżenji, kif ukoll l-attakki pwerili tal-Partit Laburista fuq Peter Agius u Roberta Metsola.

Tissemma’ wkoll l-istragetġija ta’ Robert Abela u l-u-turns fuq Jean Paul Sofia u Rosianne Cutajar, fost l-oħrajn – tant li l-gazzetta issostni li Abela għandu bżonn nies ta’ stoffa li jagħtuh pariri siewja.

Hemm anke l-impressjoni li fil-Gvern, ħafna ministeri huma fuq auto-pilot u jibżgħu jieħdu inizzjattiva. Isostni wkoll li m’hemmx pjan u viżjoni; ħlief li jgħajru l-Oppożizzjoni.

L-Editorjal jitfa’ l-ħtija tar-riżultat elettorali fuq in-nuqqas ta’ mpenn tal-Partit Laburista f’kull settur; mill-media, il-partitarji u s-soċjeta ċivili.

Il-gazzetta ‘Illum’ issemmi wkoll kif il-kriżi ambjentali u tat-traffiku, it-tema tal-popolazzjoni u l-barranin, kif ukoll l-arroganza tal-Partit Laburista li jonqos milli jgħaraf li l-Oppożizzjoni tista tirbaħ l-elezzjoni li ġejja, huma kollha elementi li wasslu għar-riżultat tat-8 ta’ Ġunju.