KAŻAKISTAN…………… 6
MALTA……………………. 16
(0-4), (2-3), (2-3), (2-6)
Bidu pożittiv kif mistenni għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena, minn Grupp H tal-Kampjonat tad-Dinja li qed isir f’pajjiżna, b’rebħa kontra l-Każakistan 16-6. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti, bit-tim Malti kellu l-kontroll tal-logħba tul il-konfront. Ta’ min jirrimarka li f’dan il-livell, il-pitch hu twil 25 metru minflok 30 metru filwaqt li minflok tmien minuti kull sessjoni, il-logħba tkun ta’ sitt minuti kull sessjoni.
It-tim Malti ħa l-kontroll tal-logħba mill-ewwel u wera s-superjorità b’erba’ gowls mingħajr risposta skorjati minn Sam Engerer darbtejn, Max Lanzon u Sean Mifsud. L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni, għalkemm il-Każakistan naqqsu d-distakk darbtejn wara gowls tat-tim Malti. Kien Andrè Aquilina li għamilhom 7-2 u rebbaħ ukoll it-tieni sessjoni lit-tim Malti.
Max Lanzon kabbar il-vantaġġ ta’ Malta għal 9-2 b’doppjetta fil-bidu tat-tielet sessjoni. Il-Każakistan wieġeb b’żewġ gowls sakemm Sam Engerer għamilhom 10-4 b’xutt għar-rokna minn superjorità numerika.
L-istess Engerer kabbar id-distakk għal 13-5 fl-ewwel parti tal-aħħar sessjoni u wara li Abdurashid Namazov naqqas id-distakk, iż-żgħażagħ Maltin skorjaw tliet darbiet oħra fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba biex issiġillaw ir-rebħa.
It-tim Malti jilgħab it-tieni logħba għada fis-7.00pm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq kontra r-Rumanija, nazzjon li llum tilef 13-4 kontra l-Greċja.
Każakistan: A. Talipov, A. Umergaliyev (1), D. Ryspayev, A. Motigolla, A. Bimzhanov, Z. Karagul (1), R. Abilkassym (2), A. Akhmetov, A. Namazov (2), R. Tamabayev, B. Kozhakhmetov, N. Bolatbek
Malta: Z. Dzanovic, M. Lanzon (4), T. Fenech (1), A. Aquilina (1), S. Cutajar Casha, M. Cassar, S. Mifsud (1), S. Engerer (6), J. Pawley (1), J. Borg Tabone (2), A. Fava, P. Tabone, Z. Attard
Referees: Piotr Koryzna (Polonja), Meichunzi Li (Ċina)
//= $special ?>