Internazzjonali

Spanja: Arresti waqt azzjoni kontra ċ-ċirkolazzjoni ta’ messaġġi favur it-terrur u l-vjolenza

Il-Pulizija Spanjola arrestat talanqas għaxar persuni f’erbat ibliet tal-pajjiż b’konnessjoni ma’ messaġġi li qegħdin iħeġġu ‘il-vjolenza u t-terrur’ waqt il-logħob tal-futbol tal-Ewro 2024 fil-Ġermanja… Il-messaġġi inkwistjoni, intant, kienu qed jippromwovu anki l-vjolenza għal waqt l-Olimpjadi se jsiru ‘il quddiem dan is-sajf f’Pariġi.

Issa, sar magħruf  li l-Gwardja Ċivili ta’ Spanja, b’kollaborazzjoni mal-aġenzija Europol u l-FBI tal-Istati Uniti, irnexxielha tkisser wieħed mill-akbar networks tal-media b’rabtiet mat-terroristi tal-ISIS.

Dan meta mgħadhomx jiffunzjonaw numru ta’ servers fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżlanda u l-Istati Uniti…Servers li kienu parti min-network li kien jinkorpora lid-diversi entitajiet tal-media relatati mal-ISIS.

In-network, fost oħrajn, kien mezz għat-trasmissjoni kontinwa ta’ propaganda – fuq livell globali —  u messaġġi għall-inċitament ta’ terroriżmu b’talanqas 30 lingwa.

L-aħħar suċċessi kontra l-entitajiet li qed jiċċirkulaw din il-propaganda ta’ mibgħeda huma anki l-frott l-impenn kollettiv tal-awtoritajiet ġudizzjarji u għat-tisħiħ tal-liġi madwar l-Ewropa.

Id-dmir ewlieni ta’ dawn l-awtoritajiet u aġenziji simili jinvolvi azzjonijiet biex iwaqqfu l-firxa tal-propaganda tat-terroristi bil-mezzi online, flimkien ma’ sistemi oħrajn ta’ komunikazzjoni – b’mod partikulari l-media soċjali – li għandhom skop simili.

Fil-fatt, f’dan il-każ spikkat id-‘dimensjoni internazzjonali’ tal-websajts u l-mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni li ntużaw għall-messaġġi favur il-vjolenza waqt avvenimenti kbar għall-pubbliku fuq livell sportiv u kulturali.

Dan meta n-network partikulari seta jippromwovi u jxandar il-messaġġi, fost oħrajn, bl-Ingliż, l-Ispanjol, l-Għarbi, il-Franċiż, il-Ġermaniż, id-Daniż, kif ukoll bir-Russu u l-lingwa Torka.