Ma jaqta’ xejn il-ġlied intern fil-Partit Laburista, hekk kif ħafna qed iwaħħlu f’nies bħal Daniel Micallef, Randolph Debattista u Aleander Balzan għall-fatt li l-Labour tilef siġġu fil-Parlament Ewropew u l-maġġoranza f’10 Kunsilli Lokali.
Apparti dawn l-esponenti tal-Labour, hemm ismijiet oħrajn li qed jiġu kritikati apertamenti – fosthom Aaron Zahra, Edward Montebello u Ronald Vassallo.
Membru tal-amministrazzjoni Laburista li deher fil-Counting Hall jitkellem mal-aġenti tal-partit fetaħ il-kanuni fuq Montebello b’mod speċifiku u sejjaħlu “inkompetenti”. Oħrajn semmew lil Aleander Balzan u lil Ronald Vassallo li huma tnejn “rashom iebsa” li jridu li tgħaddi tagħhom biss.
Imbgħad, hemm eks esponenti Laburisti bħal Neville Gafà illi fuq il-media soċjali insista li fil-Partit Laburista llum tirrenja l-biża. “Ma jitkellem ħadd jekk mhux biex ifaħħar. Min jikkritika jispiċċa mhedded”, stqarr Gafà.
“Fl-Eżekuttiv kważi kulħadd għandu dħul tiegħu jiddependi mill-Gvern u ħadd ma huwa se jitkellem. Jitkellmu biss żewġ sangisugi li ilhom jerdgħu biex jonfħu l-aġenda ta’ Aleander Balzan li jrid li Joseph Muscat jeħel għal dan it-tnaqqis ta’ voti. Mhux il-bosta raġunijiet oħra li nafu bihom – fuq kollox l-arroganza ta’ xi nies”, kiteb Neville Gafà fuq Facebook.
L-istess Neville Gafà għamel lista ta’ nies li twarrbu b’direzzjoni ċara mill-klikka ta’ Robert Abela. Fost dawn, issemmew Joe Mizzi, Edward Zammit Lewis, Justyne Caruana, Aaron Farrugia, Franco Mercieca, u Deborah Schembri.
Gafà saqsa ukoll lil Aleander Balzan: “Veru saħansitra ridt twarrab lil Michael Falzon kieku ma kienx hemm intervent minn persuna partikolari li salvat lil Partit Laburista milli jitilfu? Trid aktar ragunijiet għat-tnaqqis ta’ voti bin-nies kollha li rmejt?”
//= $special ?>