Roger Agius, eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul lest li jagħti informazzjoni fil-Qorti dwar Mark Calleja magħruf bhala “Il-Gulija” – li huwa ‘person of trust’ tal-Ministru Michael Falzon, b’rabta mal-frodi fil-benefiċċji soċjali.
Roger Agius (fir-ritratt jidher fuq ix-xellug ma’ Silvio Grixti), ilu jallega li b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali hemm person of trust ta’ Michael Falzon li qallu li kemm idum il-Ministru Falzon ma jkollhom ‘trouble’ qatt. Dwar l-informazzjoni li jrid jagħti Agius ħareġ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks deputat Laburista t-Tabib Silvio Grixti, li flimkien ma’ Dustin Caruana, Manuel Spagnol, Luke Saliba u l-istess Roger Agius jinsabu mixlija fost oħrajn b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali.
Fi tmiem is-seduta, il-prosekuzzjoni talbet permess lill-Qorti biex l-akkużat Roger Aguis jixhed f’investigazzjoni ulterjuri bħala ‘whistleblower’ dwar informazzjoni relatata mal-abbużi tal-benefiċċji socjali. L-avukat Jason Azzoppardi ddikjara li l-klijenti tiegħu kiteb ittra formalment lil ‘whistleblower unit’ fi ħdan l-ufficju tal-Prim Ministru sabiex jikxef informazzjoni sensittiva fuq Mark Calleja, uffiċjal pubbliku fil-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.
Il-Qorti talbet lill-prosekuzjoni biex kif suppost, jagħmlu rikors dwar din it-talba. Roger Agius ilu ħafna jisħaq li kien lest jikxef bil-ġurament u li ħames snin ilu, Mark Calleja kien tah burner phone biex permezz tiegħu biss isiru t-telefonati dwar l-applikazzjonijiet abbażi ta’ ċertifikati frawdolenti.
Agius kien u għandu jinsisti li hu kien lest jikxef kif dan l-istess uffiċjal, allegatament Mark Calleja, li ngħata position of trust minn Michael Falzon, kien jirranġa l-kompożizzjoni tal-Bord Mediku biex ikun iggarantit li dawk li jkunu referuti jgħaddu żgur.
Agius saħaq li kien lest jikxef taħt ġurament, li kien għadu qed jirċievi l-karti minn għandu sal-ewwel tliet xhur tat-2023 u kien lest jikxef ukoll taħt ġurament, li qallu “kemm idum il-Ministru hemm, aħna trouble ma jkollna qatt.“
Il-Prim Ministru ta struzzjonijiet biex person of trust involut fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali ma jitressaqx il-Qorti minkejja li kien investigat mill-FCID. L-Avukat Jason Azzopardi waqt diskors li għamel matul il-velja li ta’ kull xahar tfakkar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tkellem ukoll dwar Mark Calleja fejn qal li l-Prim Ministru ta struzzjonijiet biex dan ma jitressaqx il-Qorti minkejja li kien investigat mill-FCID.
Fost ix-xhieda li taw id-depożizzjoni tagħhom it-Tlieta, kien hemm il-kuntistabbli Justin Debono li qal li laptop ta’ Silvio Grixti, elevat mill-klinika tiegħu f’Ħal Għaxaq, tpoġġa f’basket u ttieħed it-taqsima tas-cyber crime unit.
Mistqosi għal diversi drabi mid-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono, ir-raġuni l-għala l-laptop ma kienx ippreservat ġewwa ‘evidence bag’, il-kuntistabbli qal li t-taqsima kienet għadha waħda ġdida u kien hemm żmien fejn dawn ma kenux aċċessibbli.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina.
L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Agius filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.
Il-kaz ikompli f’Lulju..
//= $special ?>