Minkejja l-impressjoni li ngħatat ftit ġimgħat ilu li l-gvern kellu kollox lest għall-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, jirriżulta li kull m’għadu tlesta hi biss impressjoni artistika.
Dan jirriżulta minn dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar Għawdex li għaliha għall-Gvern ipparteċipa wkoll il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Għawdxin Alex Borg u Chris Said.
Minn mistoqsijiet li għamlu d-deputati Nazzjonalisti jirriżulta li l-gvern għandu biss impressjoni artistika għal dan l-isptar. Jirriżulta wkoll li l-uniku konsultazzjoni li għadu għamel il-gvern kienet mal-FMS u li għadhom ma sarux konsultazzjonijiet dwar id-disinn u l-funzjoni tal-isptar. Il-gvern lanqas għandu pjani meta se jibdew ix-xogħlijiet u meta se jtilestew għalkemm intqal biss li x-xogħlijiet se jieħdu bejn ħamsa u seba’ snin minn meta jibdew. Jirriżulta wkoll li d-disinji ta’ dan l-isptar għadhom mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku.
Minn din il-laqgħa rriżulta li x-xogħlijiet għadhom f’fażi ta’ studju tal-ġeoloġija tal-blat fejn se jibda jsir it-tħaffir. L-uffiċjali tal-FMS ammettew li l-Għawdxin mhumiex moqdija fis-servizzi mediċi f’Għawdex.
Fil-kumitat parlmentari kienu diskussi wkoll il-helipads li kien hemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’Mater Dei. Dawn kienu tneħħew u ma baqgħux jintużaw madwar disa’ snin ilu bil-konsegwenza li t-traġitt tal-pazjenti bejn Għawdex u Malta tela’ għal madwar 40 minuta meta qabel kien ta’ 19-il minuta.
Id-deputati Nazzjonalisti sostnew li l-poplu se jkollu jħallas madwar €153 miljun għal dan l-isptar ġdid meta dan suppost li għamluh Vitals/Steward. Issa l-poplu Għawdxi se jkollu jistenna wkoll sa mill-inqas l-2030/31 biex ikollu dan l-isptar ġdid għaliex s’issa hemm biss kunċett ta’ disinn.
Kull meta d-deputati Nazzjonalisti rriferew għall-fatt li dan l-isptar suppost diġà tlesta minn Steward u li għalih il-poplu diġà ħallas il-miljuni, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela sostna li l-gvern irid iħares ‘il quddiem u ma tkellem xejn dwar dan l-iskandlu li fih il-poplu Malti kien misruq €400 miljun.