Iż-żagħżugħ akkużat li poġġa apparat splussiv magħmul id-dar barra l-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista x-xahar li għadda għandu jiġi evalwat mill-psikjatri qabel il-possibbiltà li hu kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat.
David Brincat ta’ 18-il sena minn Santa Venera deher kalm fl-iżbarra hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi kontrih. Huwa qed jiġi mixli b’16-il akkuża fosthom dawk relatati mat-terroriżmu u l-manifattura illeċita ta’ splussivi x-xahar li għadda, wara investigazzjoni tal-pulizija dwar is-sejba ta’ apparat splussiv li tpoġġa f’landa taż-żibel barra l-bini taċ-Ċentru NazzjonaliLaburista.
Allegatament, il-Pulizija sabet TATP – splussiv volatili magħmul mid-dar li ntuża f’attakki terroristiċi barra l-pajjiż – u dan instab eżattament ġewwa l-garaxx fejn kien joqgħod Brincat. Huwa mifhum li l-investigazzjoni tal-pulizija żvelat ukoll li Brincat kellu pjani li jipproduċi u jpoġġi aktar apparat splussiv b’miri speċifiċi f’moħħu.
Meta t-Tlieta kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Brincat, quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, l-avukat Nicholas Mifsud, avukat difensur konġunt mal-avukati Mario Mifsud u Lara Attard, talab lill-qorti biex tordna evalwazzjoni psikjatrika tal-imputat qabel ma tkompli l-kumpilazzjoni tal-provi. .
L-avukat irrimarka li minn meta tressaq il-Qorti, Brincat kien inżamm taħt arrest preventiv fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Id-difiża qalet li hi tal-idea li l-akkużat jiġi eżaminat minn tliet psikjatri.
L-ispettur tal-prosekuzzjoni Wayne Camilleri qal lill-Qorti li kien esebixxa ċertifikati li jindikaw li Brincat kien tajjeb għall-interrogazzjoni u tajjeb għall-proċess, iżda d-difiża qalet li kienet qed targumenta li Brincat kien fi stat tal-ġenn fil-ħin li allegatament wettaq ir-reat.
Il-Maġistrat Azzopardi qara fis-skiet iċ-ċertifikat li ddikjaraw lil Brincat tajjeb għall-proċess. Il-Prosekutur Kaylie Bonnett talbet lill-qorti, fid-dawl tal-fatt li kienet qed titqajjem id-difiża tal-ġenn, biex taħtar bord ta’ tliet esperti biex jeżaminaw lil Brincat.
Inizjalment il-qorti kienet xettika li tagħmel dan qabel ma semgħet lill-ispettur Camilleri jixhed dwar l-investigazzjoni, għaliex l-ewwel kellu jiġi stabbilit il-perjodu ta’ żmien rilevanti li fih l-imputat kien qed jgħid li kien stat ta’ ġenn.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega li l-perjodu li l-pulizija kienet qed tħares lejh kien fit-12-il xahar ta’ qabel l-inċident, għalkemm “diskussjonijiet ideoloġiċi” imorru lura aktar. Il-Qorti laqgħet it-talba u tat il-kompitu lil tliet psikjatri biex jistabbilixxu jekk Brincat kienx fi stat ta’ ġenn legalment meta allegatament wettaq ir-reati li huwa akkużat bihom.
Il-bord ta’ esperti ġew ordnati biex jevalwaw lill-imputat u jfasslu rapport dwar is-sejbiet tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Il-każ ġie differit għad-9 ta’ Lulju għal dan il-għan. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Lydon Zammit. Għaż-żagħżugħ dehru l-Avukati Nicholas Mifsud, Mario Mifsud, Colin Galea u Lara Attard.