Kunsilli Lokali Lokali

Bus shelter li ġie jiswa’ mal-€20,000

€19,872.

Daqsekk ġie jiswa’ bus shelter f’Santa Venera li bosta ddiskrivew bħala bieb ta’ garaxx magħmul forma ta’ bus shelter.

L-Eks Sindku ta’ Santa Venera Stephen Sultana inizjalment kien irrifjuta li jwieġeb kemm sewa dan il-bus shelter fi Triq il-Kbira, San Ġużepp. Iżda eventwalment, Sultana qal li dan intgħażel bi proċess ta’ tender fejn l-unika persuna li applika kien persuna li ingħata il-kuntratt f’Ottubru tas-sena li għaddiet.

Minn Ottubru laħqu għaddew ix-xhur; biex dan il-bus sheletr spiċċa tpoġġa’ f’postu ġimgħa biss qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.

Il-Kunsillier Karl Carabott qal li hu kien ixxukkjat meta sar jaf kemm sewa dan il-bus shelter hekk kif sostna li prattikament dan ix-shelter ma joffri l-ebda kenn la mix-xemx u lanqas mix-xita. Apparti hekk, numru ta’ persuni li kkummentaw fuq il-post li għamel Carabott, qalu li dan huwa bus shelter inutli u ikrah fid-dehra.

Minn naħa tiegħu, l-Eks Sindku ċaħad li ż-żmien li fih sar dan il-bus shelter kellu x’jaqsam mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, minkejja li ġie installat f’postu ġimgħa biss qabel il-votazzjoni.

Intant ix-Shadow Minister tat-Trasport Mark Anthony Sammut saħaq li Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar minn bus shelter tal-pjanċi tal-ħadid li ma joffri lqugħ ta’ xejn. B’naqra iktar viżjoni kompla jgħid Sammut kienu jinbnew bus shelters bħal dawk f’Utrecht l-Olanda, li mhux biss joffru lqugħ mix-xemx u xita imma jnaqqsu l-karbonju, jgħinu n-naħal, l-għasafar, il-friefet u l-bio diversita. U fuq kollox kienu jiswew inqas.