Lokali

Inkjesta Vitals: Muscat u sħabu għal darb’oħra quddiem il-Maġistrat Montebello

Is-seduta tasal fi tmiemha; kollox aġġornat għal għada l-Ħamis fil-10:30.


12:37 Rappreżentanta tal-Bank of Valletta se tkun qed tixhed dwar żewġ kontijiet bankarji – żewġ statements of account tal-kumpanija Tamac Ltd.

Dawn il-kontijiet infetħu fl-2012 – bl-Avukat Veronique Dalli tisħaq li l-bilanċi jitkellmu waħedhom u kollox jaqbel – bix-xhud taqbel fl-affermattiv.


12:24 Jibda jixhed it-Tabib Josie Muscat – fejn sostna li l-idea tas-Cyclotron bdiet mis-St.James Hospital lura fl-2011-2012.

It-Tabib Muscat insista li l-idea li ssir is-Cyclotron f’Malta kienet tiegħu u Shaukat Ali, sadanittant la qatt kien imdaħħal miegħu u lanqas kien iltaqa’ miegħu sa dak iż-żmien.

Sakemm kien hemm hu insista li ma kien hemm l-ebda Vitals involuti; għajr għal kumpanija St. James u kumpanija oħra Roots li tagħha Josie Muscat kien shareholder.

Josie Muscat baqa’ jinsisti li rigward il-proġett Cyclotron huwa dejjem deher għalih innifsu u għal ħadd aktar.


12:19 Huwa insista li l-proġett l-ewwel ma’ ġie suġġerit kien mit-Tabib Josie Muscat mill-Isptar Saint James lura fl-2015, filwaqt li sostna li aktar tard kien se joħorġ mill-proġett minħabba raġunijiet personali. Sa dak il-punt kienu ġew approvati €4.7 miljun jew aħjar aktar minn 60% tal-ispejjeż totali.

Ġie spjegat li flok Muscat daħal investitur Taljan Musarella, u sussegwentament daħlu Vitals – mad-deadline tal-ħlas tas-soft loan li ħadu mingħand Malta Enterprise daħlu Steward fejn dawn tal-aħħar infurmaw lill-kumpanija li ma kinux interessati aktar fiha… u hemm kellhom jidħlu fiha direttament Malta Enterprise għal €6.9 miljun.

Wara das-snin kollha x-xhud ikkonferma li l-makkinarju bħalissa u s’issa għadu mhux jaħdem… konferma li waslet mix-xhieda stess taħt ġurament.


12:11 Joseph Zammit mill-Malta Enterprise, spjega dwar is-soft loan li ngħata lill-kumpanija MTrace għall-proġett Cyclotron.

Huwa insista li issa dan l-apparat huwa installat – hekk kif spjega li biex ġie ffinalizzat dal-proġett kellha tidhol fiha l-Malta Enterprise – apparat b’rabta mar-riċerka tal-kanċer.

Ta’ min wieħed jinnota li fl-Inkjesta jingħad iswed fuq l-abjad li wara li MTrace ngħatat flus mill-konċessjoni kif ukoll soft loan – kellhom joħorġu aktar fondi pubbliċi biex dan il-proġett seta’ jiġi ffinalizzat u għaldaqstant l-inkjesta tisħaq li hemm madwar €6.6 miljun minn fondi pubbliċi li ma jafux x’sar minnhom hekk kif kellhom joħorġu aktar fondi biex jagħmlu tajjeb għalihom.

Intqal ukoll li l-kumpanija RSM kienet ingħatat l-inkarigu biex twettaq due diligence fuq MTrace, il-kumpanija li hija sid Cyclotron meta Malta Enterprise ddeċidiet li tixtriha.


11:57 Imiss issa x-xhieda tal-Perit Karl Farrugia, Direttur ta’ Forward Structures Ltd – mistoqsi mill-Avukat Arthur Azzopardi dwar il-proġett Cyclotron, saħaq li ħadmu lura fl-2014 u fl-ewwel sentejn prattikament ma seħħ xejn.

Madanakollu huwa spjega li mill-punto di vista ta’ bini, s’issa sar kważi kollox – Farrugia spjega wkoll li kellhom, però, jinbidlu xi machinery anke minħabba l-fatt li nbidel is-supplier u shareholders, bil-makkinarju għamel xi żmien tħalla fil-parking area allegatament minħabba xi issues ta’ pagamenti, però ma jafx eżatt għalfejn kien tħalla hemm għal tul ta’ żmien.

Huwa insista li l-involviment tal-kumpanija tiegħu damet sal-2018 – u insista li l-kumpanija tiegħu ma kinitx involuta fl-installazzjoni tal-makkinarju.


11:49 Tibda x-xhieda ta’ Claudette Fenech, Senior Legal Officer mal-Malta Business Registry. Hija spjegat li ġiet imħarrka biex tipprovdi d-dokumentazzjoni kollha dwar Sciacca Grill Ltd.

Hija spjegat ukoll li ġiet imħarrka biex tixhed fuq numru ta’ kumpaniji relatati ma’ Steward f’Malta u Nexia BT – b’Fenech tisħaq li David Meli qatt ma kien involut fil-kumpanija Nexia BT, u numru ta’ kumpaniji relatati ma’ Steward – wisq inqas Mario Gatt.

Dan spjegatu wara li saritilha domanda mill-Avukati Difensuri –preżenti, madanakollu hija wieġbet li din id-domanda suppost kellha tirrispondiha waqt is-seduta t’għada – id-domanda kienet relatata ma’ Gateway Solutions.


11:45 Fis-sala lħaqna pawża mhux mistennija. Dan hekk kif xhieda rappreżentanti tal-kumpanija Technoline ma dehrux meta sar tentattiv biex jiġi stabbilit kollegament magħhom permezz ta’ video conference – permezz ta’ indirizzi elettroniċi provduti mill-imsemmija xhieda ta’ nazzjonalità Taljana.

Huwa mistenni li jsir tentattiv ta’ kollegament aktar tard.


11:37 L-Ispettur Anthony Scerri saħaq li waqt ix-xhieda ta’ Christopher Spiteri quddiem il-Maġistrat, huwa insista li ġieli staqsa domanda madanakollu biex ikunu ċċarati l-affarijiet issokta jgħid li hu qatt m’għamel investigazzjoni għan-nom tal-Pulizija; dan minħabba l-fatt li evidenza f’idejh biex janalizzaha ma kellux.

Huwa insista li analizza l-ewwel xhieda u mistoqsi mill-Avukat Grima jekk ħassx li kellu jagħti caution lil Spiteri, Scerri wieġeb fin-negattiv hekk kif insista li minn naħa tiegħu qatt ma ra suspett fi Spiteri.

Scerri spjega li wara li semgħet lil Christopher Spiteri, il-Maġistrat Vella talbitu jmur iwettaq tfittxija għand Christopher Spiteri… madanakollu stqarr li raġuni għal dan ma ngħatax.


11:29 Scerri jixhed li l-files ta’ evidenza elevati fost oħrajn minn Christopher Spiteri kien jurihom lill-esperti – u l-Pulizija l-unika ħaġa li kien ikollhom x’jaqsmu miegħu kienet f’forma ta’ tagging. Huwa kompla jinsisti li hu personali ma analizzax il-files elevati.


11:16 Tibda tinstema’ x-xhieda tal-Ispettur Anthony Scerri mid-Dipartiment tal-FCID – bil-mistoqsijiet jibda jistaqsihom l-Avukat Jason Grima, avukat difensur tal-Awditur ta’ Vitals Christopher Spiteri.

L-Avukat Grima staqsa li la darba l-Pulizija ma kinitx qed twettaq investigazzjoni parallela, għal liema raġuni l-Ispettur Scerri fetaħ rikors fil-11 ta’ Ġunju 2021, u l-Pulizija kienet qed titlob mandat ta’ tfittxija għal Christopher Spiteri.

L-Ispettur Scerri insista li hu ġie mitlub mill-Maġistrat Vella biex iwettaq tfittxija u kien għalhekk li fetaħ rikors biex ikun jista’ jwettaq dan.

“Il-Pulizija jekk jien għamilt search għand persuna ma jfissirx li l-Pulizija għamlu investigazzjoni minn jheddhom … il-Pulizija għamlet investigazzjoni imma dejjem taħt il-kappa tal-Inkjesta Maġisterjali, għax kont mitlub mill-Maġistrat Inkwerenti biex inwettaq search.”


Għal darb’oħra ninsabu fl-Awla numru 22 hekk kif minn hawn u ftit ieħor mistennija tibda t-3 seduta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn fost l-akkużati hemm l-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat flimkien mal-Eks Chief of Staff Keith Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi – ilkoll akkużati fost oħrajn bi frodi u ħasil ta’ flus.

Din id-darba, għad-differenza tat-28 ta’ Mejju, ma kien hemm ħadd quddiem il-Qorti jistennew lil Joseph Muscat jidħol biex jagħtuh sostenn… kif ukoll inqas milli kien hemm fit-13 ta’ Ġunju.


Fl-aħħar seduta, l-Ispettur mis-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi, Wayne Borg, xehed li minn naħa tal-Korp tal-Pulizija ħadd ma investiga filwaqt li sostna li l-Korp tal-Pulizija straħ fuq dak kollu li għamlet il-Maġistrat Inkwerenti. Żied li l-Pulizija assistiet biss fil-ġarr tal-inkjesta.