Riżultat finali li ħalla lill-Iskozja tittama li tista’ tikkwalifika filwaqt li b’dan il-punt, l-Iżvizzera hi kważi kwalifikata u jekk tirbaħ kontra l-Ġermanja tispiċċa rebbieħa ta’ Grupp A. Konfront bejn żewġ timijiet li pruvaw jilħqu l-logħba u r-riżultat jista’ jitqies ġust.
L-Iskozja kien mistenni minnha reazzjoni wara t-telfa kbira ta’ 5-1 kontra l-Ġermanja u l-plejers wieġbu għas-sejħa tal-kowċ Steve Clarke. L-Iżvizzera rebħet kontra l-Ungerija 3-1 fl-ewwel logħba u għalhekk baqgħu mhux megħluba fil-grupp.
L-Iskozja marret fil-vantaġġ fit-13-il minuta. Minn kontrattakk veloċi, Andy Robertson għadda lejn Callum McGregor li rnexxielu jsib lil SCOTT MCTOMINAY, bix-xutt tal-midfielder ġie mxellef minn sieq id-difensur Fabian Schär qabel Yann Sommer seta’ jipprova jilħaq.
Il-gowl tad-draw wasal fis-26 minuta minn żball difensiv ta’ Tony Ralston li qassam ħażin lura, b’XHERDAN SHAQIRI ħa vantaġġ u b’xutt mill-ewwel li ma kienx faċli, għeleb lil Anguss Gunn. Sitt minuti wara Gunn salva lit-tim fuq tentattiv ta’ Dan Ndoye u minuta wara, l-istess plejer skorja iżda l-gowl tħassar għal offside b’konferma tal-VAR.
It-tim ta’ Murat Yakin kellu aktar okkażjonijiet fit-tieni taqsima iżda Gunn kien attent biex fis-56 minuta waqqaf lil Ruben Vargas u tliet minuti wara xellef it-tentattiv ta’ Ndoye. L-Iskoċċiżi tilfu lil Kieran Tierney wara li ġibed muskolu minn koxxtejh. Huma kienu sfortunati fis-67 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Grant Hanley li stampat mal-wieqfa.
Fil-81 minuta, McTominay kellu żewġ tentattivi blokkati fil-kaxxa u minuta wara Breel Embolo ħaseb li għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u qabbeż fuq Gunn iżda l-gowl tħassar għal offside marġinali.
//= $special ?>