Kollox jindika li l-għalliema tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja kif ukoll tal-MCAST se jitħallew fid-dlam u mingħajr soluzzjoni. Dan hekk kif Net News jista’ jikkonferma li m’hemmx laqgħa skedata bil-għan li jkomplu n-negozji.
Il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ kompletament fis-silenzju hekk kif għadu ma skedax laqgħa oħra wara li l-MUT għamlet tliet talbiet formali.
Fi stqarrija, il-Union tal-Għalliema kienet qalet li issa li għaddiet l-elezzjoni m’hemmx raġuni għalfejn ma ssirx laqgħa oħra; iżda jidher li b’dan is-silenzju huwa evidenti li l-Gvern mhux interessat li jintlaħaq qbil malajr kemm jista’ jkun – qbil li kellu jissarraf f’pagi aħjar għall-edukaturi, kif kien wiegħed il-Gvern stess.
Apparti minn hekk, l-MUT wissiet li jekk il-Gvern se jkompli b’dan l-aġir irresponsabbli, se tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa.
Anke is-sitwazzjoni fl-MCAST hija waħda ddisprata għall-aħħar hekk kif il-possibbiltà ta’ qbil jidher ferm ‘il bogħod – bl-istudenti tħallew fil-għama dwar ir-riżultati tagħhom.
In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-marki li kisbu fl-eżamijiet u x-xogħol li wettqu qed twassal biex ma jkunux jistgħu japplikaw għal kors fl-Università ta’ Malta – u wisq inqas jistgħu jibdew jaħdmu fis-settur li huma studjaw fih.
Intant, kienu bosta l-istudenti li fl-aħħar ġimgħat appellaw lill-Gvern sabiex ma jkomplix isabbat saqajh mal-edukaturi għaliex snin twal ta’ ħidma qed tissarraf fi stress kbir mingħajr indikazzjoni dwar x’se jkun il-futur tagħhom.
//= $special ?>