Lokali Parlament

Għawdex għandu bżonn attenzjoni partikolari biex l-identità tiegħu tkun imħarsa


Alex Borg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal fil-Parlament li Għawdex għandu bżonn attenzjoni partikolari biex l-identità tiegħu tkun imħarsa u l-progress jibqa’ għaddej.


Hu semma’ l-iżvilupp sostenibbli għal Għawdex u kif Gvern Nazzjonalista kien ipproġetta l-kunċett ta’ eko-Għawdex biex Għawdex idawwar l-isfidi f’opportunitajiet.


Dan kien iwassal għal proċess li jħares l-ambjent ta’ Għawdex u joħloq impjiegi ta’ kwalità. Gvern Laburista tilef il-ħsieb kollu wara dan il-kunċett, sostna Alex Borg, li kompla li l-kunċett ta’ gżira tal-villaġġi hi biss gymmick, l-istess bħall-breakwater ta’ Marsalforn u l-isptar ta’ Għawdex.


Alex Borg semma’ t-Triq ta’ Marsalforn u qal li din it-triq tinsab fi stat ferm ħażin. Kulħadd jaqbel li din it-triq tiġi rranġata iżda l-Gvern irid iwessa’ din it-triq bl-iskuża li fiha jkun hemm ħafna inċidenti u ħafna traffiku. Kulħadd jaf li dan mhux minnu u dan se jwassal biex jinqalgħu 100 siġra minn din it-triq. Dan juri li l-gvern ma jħarsix l-ambjent.


Alex Borg semma l-kwistjoni ta’ Pjazza San Ġorġ u qal li s-sitwazzjoni kaotika f’din il-pjazza turi kemm il-gvern tilef il-kontroll tal-ordni f’din il-pjazza. Hu importanti li n-negozji jkunu mħarsa flimkien mad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti. Jeħtieġ li jkun hemm pjan ċar dwar kif l-ambjent u l-iżvilupp f’Għawdex ikunu salvagwardjati biex il-progress ikun wieħed sostenibbli, sostna d-deputat Nazzjonalista.