Il-Ġermanja saret l-ewwel tim li kkwalifika mal-aħħar 16 bit-tieni rebħa minn żewġ logħbiet. Fl-MHP Arena ta’ Stuttgart, it-tim ta’ Julian Nagelsmann skorja gowl kull taqsima biex fl-istess ħin ikkundanna lit-tim ta’ Marco Rossi għat-tieni telfa.
L-Ungerija għal ftit ma ħasditx lill-avversarji wara 20 sekonda biss. Barnabas Varga daħal qabel Joshua Kimmich fit-tarf tal-kaxxa iżda Manuel Neuer laħaq fil-ħin u biegħed il-periklu. Ċans għat-tim Ġermaniż fil-11-il minuta wara li Kai Havertz rebaħ dwell ma’ Willi Orban u mmira lejn il-lasta iżda Gulacsi salva tajjeb. Ftit sekondi wara, xutt mill-ewwel ta’ Andrich kien perikoluż iżda Bolla rnexxielu jimblokka b’daqqa ta’ ras.
Il-gowl tal-vantaġġ wasal fit-22 minuta. Mertu ta’ Ilkay Gündoğan li l-ewwel rebaħ ballun minn fuq Orban li deher mitluf, laħaq qabel Gulacsi u qassam lura lejn JAMAL MUSIALA li kkontrolla l-ballun u tefa’ l-ballun fix-xibka. Ir-risposta tal-Ungerija waslet erba’ minuti wara bi free-kick ta’ Dominik Szoboszlai li ġiegħel lil Manuel Neuer itir minn tulu biex salva parzjalment u reġa’ salva r-rebound.
Fl-44 minuta Jamal Musiala ra x-xutt tiegħu jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka iżda l-aħħar azzjoni tat-taqsima kienet kważi wasslet biex l-Ungerija ġġib id-draw. Free-kick ta’ Szoboszlai sab lil Orban li b’daqqa ta’ ras impenja lil Manuel Neuer, b’Roland Sallai jiskorja mir-rebound iżda l-gowl tħassar għal offside.
Gulacsi kien strumentali fil-55 minuta biex salva darbtejn fuq Gündoğan u Toni Kroos. Ċans tajjeb għall-Ungerija mas-siegħa logħob bi kross mix-xellug isib lil Varga fil-kaxxa li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit għoli.
Il-Ġermanja rduppjat fis-67 minuta. Musiala qeleb fuq ix-xellug lejn Maximilian Mittelstädt li bi kross intelliġenti fil-baxx sab lil ILKAY GÜNDOĞAN li ltaqa’ mal-ballun u xeħet fuq ix-xellug ta’ Gulacsi b’konvinzjoni.
//= $special ?>