Il-Gvern injora ripetutament it-twissijiet tal-Partit Nazzjonalista u anke tal-korpi kostitiwti biex jieqaf jgħaddi flus kbar lill-ħbieb tal-ħbieb u li għall-korruzzjoni qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi. Iżda dan wassal biex illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tibda proċeduri biex Malta titpoġġa taħt Excessive Deficit Procedure.
Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella biex il-Gvern Malti jieqaf iberbaq flus il-poplu bl-addoċċ u jassigura li n-nefqa tiegħu tkun waħda sostenibbli.
Id-dejn, li jaqbeż l-€10 biljuni, bi kważi €600,000 imgħaxijiet li qed iħallas il-poplu kuljum minħabba d-dejn tal-Gvern huma allarmanti u mhux sostenibbli.
Dan Gvern li m’għandux x’juri għal dan l-infiq esaġerat u sparpaljat. F’erba’ snin, Robert Abela għamel dejn li hu aktar mid-dejn li għamlu Gvernijiet Nazzonalisti u Laburisti sa mill-1964. Minnufih, il-Gvern għandu jgħidilna kif dawn il-proċeduri se jimpattaw fuq il-ħajja tan-nies u kif se jindirizza din il-problema li daħħal lil pajjiżna fiha.
Din il-problema ħoloqha l-Gvern Laburista bl-irresponsabbiltà tiegħu u għandu jsolviha billi jnaqqas il-ħela u l-korruzzjoni u m’għandu bl-ebda mod jipprova jindirizza din il-problema billi jnaqqas xi għajnuna lill-poplu jew billi jitfa’ aktar piż fuq in-nies għax din il-problema ġabha b’idejh il-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana u mhux il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>