Ewropa Lokali

“Il-Gvern għandu jieqaf itajjar il-flus fuq korruzzjoni u ħbieb tal-ħbieb” – Bernard Grech waqt il-programm Spotlight

“Il-Gvern injora ripetutament it-twissijiet kontinwi tal-Partit Nazzjonalista u l-korpi kostitwiti biex jieqaf jiffinanzja l-korruzzjonu u jgħaddi flejjes kbar lill-ħbieb tal-ħbieb. Dan issa wassal biex il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tibda proċeduri biex Malta titpoġġa taħt l-Excessive Deficit Procedure.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fil-programm Spotlight, fuq Net Television.

Meta mistoqsi x’jagħmel differenti l-Partit Nazzjonalista u jekk Gvern Nazzjonalista jwaqqafx is-sussidji biex jagħmel tajjeb għad-dejn li ħoloq il-Gvern Laburista, Grech wieġeb li Gvern Nazzjonalista jaqta’ n-nefqa żejda u bla għaqal tal-Gvern f’korruzzjoni u l-flejjes kbar li jgħaddu għand il-ħbieb tal-ħbieb u mhux l-għajnuna lill-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li din il-problema nħolqot mill-Gvern Laburista bl-irresponsabbiltà tiegħu u għandu jsolviha billi jnaqqas mill-ħela u l-korruzzjoni. Huwa stqarr li l-Gvern m’għandu bl-ebda mod jipprova jindirizza din il-problema billi jnaqqas l-għajnuna lill-poplu jew billi jżid il-piż fuq in-nies, għax din il-problema ġiet ikkawżata mill-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana, u mhux mill-poplu Malti u Għawdxi. Kompla li l-poplu qed ibati l-konsegwenzi tal-politika ħażina tal-Gvern.

Mistoqsi dwar iż-żjara li kellu fi Brussel din il-ġimgħa, Bernard Grech spjega li attenda Summit tal-EPP u ltaqa’ mal-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech qal kif fil-laqgħat li kellu fi Brussel, huwa tkellem dwar kif il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u tal-EPP, li reġa’ ġie kkonfermat bħala l-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, għandha tiffoka fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Grech awgura lil Roberta Metsola għan-nominazzjoni tagħha bħala l-kandidata tal-EPP għal President tal-Parlament Ewropew u spjega kif jispera li Robert Abela u l-Partit Laburista jpoġġu l-interess nazzjonali qabel dak partiġjan u jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-kandidatura ta’ Metsola.

Dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista laħaq il-miri li kien ħabbar: li jakkwista tliet siġġijiet fil-Parlament Ewropew, li jirbaħ lura mill-inqas ħames Kunsilli u li jnaqqas id-distakk bin-nofs. Huwa qal li hu u l-Partit Nazzjonalista huma determinati li jaħdmu biex jikkonvinċi lil dawk kollha li s’issa mhumiex konvinti mill-Partit Nazzjonalista biex dawn jingħaqdu sabiex flimkien tinbena maġġoranza ġdida favur il-bidla li jista’ jġib biss il-Partit Nazzjonalista.