Lokali Parlament

Il-gvern ma rrivediex il-pjani lokali tal-2006 meta seta’ jirrivedihom


Toni Bezzina, PN


Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzian qal fil-Parlament li minkejja l-kritika kollha li jagħmel, il-gvern seta’ rriveda l-pjani lokali tal-2006 iżda, għal raġunijiet tiegħu, ma rrevedihomx.


Toni Bezzina qal li l-bdiewa u r-raħħala qed isibu diffikultajiet meta japplikaw għall-bini ta’ strutturi biex jużawhom għal xogħolhom fl-agrikoltura. Hu spjega kif il-bdiewa huma l-aqwa salvagwardja tal-ambjent iżda biex dan isir il-bdiewa jrid ikollhom l-għodda neċessarja.


Toni Bezzina qal li l-irziezet ikunu kollha f’zoni ‘l barra mill-iżvilupp u ma jistgħux ikunu fiċ-ċentri tal-lokalitajiet. Mhux ġust li qed jinħarġu permessi għal binjiet f’ODZ, iżda l-bdiewa jgħaddu minn diffikultajiet kbar fl-applikazzjonijiet tagħhom proprju fl-irziezet tagħhom.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li bdiewa li jipprovaw jirrestawra l-għelieqi tagħhom b’żieda ta’ ħamrija, bini ta’ ġwiebi jew restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ qed isibu diffikultajiet kbar meta japplikaw mal-Awtorità tal-Ippjanar li qed tuża id tal-ħadid mal-bdiewa u id tat-tajjar mal-ispekulaturi.


Toni Bezzina semma’ l-pjan lokali tal-2006 u qal li dawn saru għal 10 snin u kellhom jiġu riveduti fl-2016 iżda l-gvern ma rrevedihomx u wara tmien snin ħallihom mhux riveduti. Għalhekk in-nuqqasijiet li seta’ kellhom il-pjani lokali tal-2006 ma kinux irranġati fir-reviżjoni tal-2016 għax il-gvern m’għamilhiex.