Il-Kroazja u l-Albanija jinsabu f’sitwazzjoni li jridu jirbħu bilfors illum f’Hamburg wara r-riżultati tal-ewwel logħba. Il-Kroati kienu megħluba 3-0 minn Spanja filwaqt li l-Albanija tilfet 2-1 kontra l-Italja.
It-tim immexxi minn Zlatko Dalic ma tilfux logħbiet konsekuttivi fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew mill-1996 u żgur li ma jistgħux jitilfu kontra l-Albanija, f’dak li se jkun l-ewwel appuntament bejniethom f’din il-fażi tal-kompetizzjoni.
Jekk il-Kroazja ddiżappuntat kontra Spanja, l-Albanija naqset li tibni fuq l-aktar gowl veloċi skorjat fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew. Madankollu minkejja li kienu megħluba, l-Albaniżi baqgħu fil-logħba u b’ċans li jevitaw telfa sat-tmiem. Din kienet l-ewwel telfa kompetittiva għalihom minn Marzu tas-sena l-oħra.
Zlatko Dalic mistenni jagħmel xi bidliet biex jipprova jistimola t-tim. Josko Gvardiol jista’ jkun li jirritorna fil-qalba tad-difiża, bid-difensur Borna Sosa jibda fuq ix-xellug. Mhux eskluż lanqas li Marcelo Brozovic jagħmel post għal plejer aktar veloċi f’nofs il-grawnd bħal Luka Susic u Mario Pasalic.
Fuq in-naħa l-oħra, Jasir Asani jinsab dubjuż minħabba problema fl-għaksa u jekk ma jirkuprax, Arber Hoxha jista’ jkun inkluż floku. Armando Broja jista’ jkun konfermat fl-attakk inkella jkun utilizzat Rey Manaj li kellu impatt bħala sostitut kontra l-Italja.
//= $special ?>