Lokali

Il-Malta Girl Guides jeleġġu Kap Kummissarju ġdida

Il-Malta Girl Guides (MGG) eleġġew Bord Nazzjonali ġdid, li jinkludi lill-Kap u lill-Viċi Kapijiet Kummissarji u membri oħra. Il-Kap Kummissarju ġdida, Rachel Aquilina, ħadet it-tmexxija tal-ikbar assoċjazzjoni għall-bniet u n-nisa f’Malta, mingħand Claire Duff iktar kmieni din is-sena.

Rachel Aquilina ilha attiva minn meta kienet żgħira. Bdiet il-vjaġġ tagħha mal-Girl Guides mal-grupp ta’ Ħal Luqa. Meta kibret, ħadmet f’diversi rwoli u proġetti fi ħdan l-assoċjazzjoni, ħarrġet membri oħra u serviet ukoll bħala Kummissarju tad-Distrett tan-Nofsinhar. It-Terminu ta’ Kap Kummissarju hu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded għal tliet snin oħra.

Il-President tal-MGG, Carmen Camilleri, irringrazzjat lill-Kap Kummissarju uxxenti u lill-membri l-oħra tal-bord nazzjonali għall-impenn u l-ħidma tagħhom matul it-terminu tagħhom. Tat l-awgurju tagħha lill-bord nazzjonali l-ġdid. Aquilina rringrazzjat lill-membri kollha tal-Malta Girl Guides u tal-kunsill talli wrew fiduċja fiha.

Il-membri l-ġodda tal-bord nazzjonali tal-Malta Girl Guides hu magħmul mill-Viċi Kapijiet Kummissarji Cynthia Duncan u Elaine Attard, is-Segretarja Claire Formosa, it-Teżoriera Noella Pisani, il-Kummissarju Internazzjonali Chantelle Galea, il-Kummissarju tal-Programm Andrea Grima, il-Kummissarju tat-Taħriġ Maureen Amoroso u r-Rappreżentanta tal-Kumitat taż-Żgħażagħ Kristina Manicaro.

Għad-distretti, ġew eletti Antoinette Seychell bħala Kummissarju u Stephanie Caruana bħala Viċi Kummissarju tan-Nofsinhar. Id-distrett tat-Tramuntana hu rrappreżentat mill-Kummissarju Tamaia Micallef Mifsud u l-Viċi Kummissarju Gwen Gatt. Id-distrett Ċentrali hu rrappreżentat mill-Kummissarju tad-Distrett Analise Scicluna u l-Viċi Kummissarju Katya Galea.