Lokali

In-nuqqas ta’ azzjoni pożittiva mill-Awtorità tal-Ippjanar wasslet biex l-ambjent iddeterjora


Stanley Zammit, PN


Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-Parlament li n-nuqqas ta’ azzjoni pożittiva mill-Awtorità tal-Ippjanar wasslet biex l-ambjent fil-pajjiż iddeterjora.


Stanley Zammit qal li d-diskors ripetut li l-pjani lokali ma jistgħux jinbidlu u li huma r-raġuni għal kull diżastru ambjentali issa nbidel għaliex issa l-Ministru għal Għawdex ammetta li fejn hemm bżonn, għandu jsir tibdil meħtieġ fihom. Fl-2016 kellhom isiru emendi għall-Pjani Lokali iżda ma sarux u s-sitwazzjoni diġà kienet tard; aħseb u ara issa wara 20 sena.


Hu qal li hu dmir tal-gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz tal-ippjanar tal-użu tal-art, iżda l-gvern staġna u ma ħax azzjoni bi skop. L-effett tal-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar ikollu effetti ta’ kuljum għaliex din trid taġixxi f’isem il-komunità.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ambjent iddeterjora minħabba deċiżjonijiet ħżiena u kompla li l-pajjiż spiċċa fgat fil-konkos bil-poplu jgħix f’kaos b’effetti negattivi fuq in-nies. Stanley Zammit kompla li l-gvern għadu ma ppubblikax l-istudju dwar kemm jiflaħ u x’jiflaħ il-pajjiż. Il-policies ambigwi introdotti minn dan il-gvern qed ikompli jiddeterjoraw l-ambjent tal-pajjiż.


Id-deputat Nazzjonalisti kompla li hemm 3,300 oġġezzjoni għat-tbażwir u lapazzar dwar il-kalkolu tal-għoli tal-bini. Hu qal li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tinjora id-deċiżjonjiet tal-impjegati tagħha stess tant li ma ttieħdux azzjonijiet dwar il-pool u d-dar tal-Ministru Ian Borg.


Stanley Zammit kompla li l-policy dwar l-estetika għandha titwettaq bla dewmien u żied li anki fl-ISPED hemm stennija minħabba l-iskadenza. Jeħtieġ li jitfassal pjan bi strateġija għall-ambjent u l-iżvilupp. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha bżonn ħafna iktar riżorsi biex tkun effettiva.