Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin ipattu qares għal żbalji tul il-logħba minkejja rimonta fit-tieni parti tal-konfront

(Ritratt: Timmy Cutugno)

MALTA……………. 11

RUMANIJA…….. 12

(2-2), (0-4), (4-2), (5-4)

Bidu negattiv, rimonta mill-aqwa iżda finalment it-tim nazzjonali Malti kellu jbaxxi rasu għar-Rumanija. B’dan ir-riżultat, it-tim Malti possibbilment jispiċċa Grupp H fit-tielet post hekk kif l-aħħar konfront hu kontra l-qawwa tal-Greċja.

Wara l-gowl inizjali tar-Rumanija, it-tim Malti dawwar ir-riżultat b’lob preċiż ta’ Shailon Cutajar Casha u gowl ta’ Sam Engerer minn man-up. Kien gowl fl-aħħar sekonda tal-ewwel sessjoni li għamel l-iskor 2-2.

Iż-żgħażagħ Maltin għamluha diffiċli għalihom infushom fit-tieni sessjoni b’diversi passaġġi żbaljati. Tal-iżbalji l-plejers Maltin ġew ikkastigati b’erba’ gowls konsekuttivi fosthom gowl fl-aħħar żewġ sekondi tas-sessjoni, konsegwenza ta’ passaġġ ħażin li seta’ naqqas id-distakk.

Il-kliem tal-kowċ Jonathan Valletta jidher li ħalla impatt fil-plejers Maltin hekk kif ħarġu determinati li jirkupraw l-iżvantaġġ. Doppjetta ta’ Andrè Aquilina fl-ewwel terz tat-tielet sessjoni qatgħet id-distakk bin-nofs għal 6-4.

Madankollu r-Rumeni reġgħu żammew id-distakk ta’ erba’ gowls b’minuta għat-tmiem is-sessjoni. Kienet hawn li waslet ir-risposta Maltija b’żewġ gowls ta’ Sam Engerer fl-aħħar 21 sekonda tas-sessjoni u ħalliet lil Malta fil-logħba.

Ir-rimonta kienet kompluta sa nofs l-aħħar sessjoni bil-gowl ta’ Shailon Cutajar Casha jpoġġi lil Malta 10-9 minn fuq. Pronta kienet ir-reazzjoni tar-Rumeni li dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Alexander Paladiciuc-Rusu. Cutajar Casha reġa’ ġab id-draw u skorja r-raba’ gowl personali fis-sessjoni. Kien il-penalty skorjat minuta mit-tmiem minn Paladiciuc-Rusu li fired liż-żewġ timijiet. It-tim Malti jilgħab l-aħħar logħba fil-grupp għada kontra l-Greċja fis-7.00pm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.

Malta: Z. Dzanovic, M. Lanzon (1),  T. Fenech, A. Aquilina (2), S. Cutajar Casha (5), M. Cassar, S. Mifsud, S. Engerer (3), J. Pawley, J. Borg Tabone, A. Fava, Z. Attard, B. Lewis

Rumanija: V. Dumitrasco, D. Feke, R. Orsos (2), B. Nagy, A. Pop-Cotuna, M. Orient (1), A. Popa-Mihuta, R. Cimpoeru (1), A. Paladiciuc-Rusu (6), M. Angelescu (1), A. Rotaru, D. Holhos, D. Boros (1)

Referees: Karel Dvoracek (Repubblika Ċeka), Luis Santos (Portugall)