EURO 2024 Futbol Sport

L-Albanija ssalva punt b’mod drammatiku

(Ritratt: EPA)

Iż-żewġ timijiet kellhom bżonn rebħa wara li tilfu l-ewwel logħba. Finalment il-Kroazja u l-Albanija kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed, riżultat li aktar issodisfa lill-Albanija kif żvolġiet il-logħba. Partita mill-isbaħ bejn żewġ timijiet li ma ddejqux ifittxu r-rebħa anki jekk kellhom jiżbilanċjaw ftit it-tim.

L-Albanija marret fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni perikoluża tal-logħba. Jasir Asani tefa’ kross mil-lemin fil-kaxxa, il-midfielder QAZIM LAÇI daħal fil-kaxxa żmarkat u skorja b’daqqa ta’ ras fuq il-ġirja, azzjoni li l-gowlkiper Dominik Livakovic seta’ ċertament għamel aħjar.

Ċans għall-Albaniżi li jżidu l-vantaġġ fil-15-il minuta b’xutt ta’ Nedim Bajrami li ġie mxellef u ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Ir-risposta tal-Kroazja waslet ħames minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Marcelo Brozovic li għadda barra.

Livakovic salva lit-tim fil-31 minuta meta salva b’mod providenzjali xutt ta’ Kristjan Asllani mill-viċin. Tul l-ewwel taqsima, l-Albaniżi dehru l-aħjar tim, bil-Kroati neqsin mill-kreattività fl-attakk.

Madankollu fit-tieni taqsima, il-Kroazja ħarġet b’aktar grinta biex issalva l-logħba. Luka Sučić prova fil-50 minuta b’xutt mill-ewwel li ġie blokkat. Fid-69 minuta, Perisic tefa’ kross fuq it-tieni lasta lejn Mario Pasalic li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet barra.

L-isforzi tal-Kroati ġew ippremjati fl-74 minuta bil-gowl tad-draw. Is-sostitut Ante Budimir sab lil ANDREJ KRAMARIC li kkontrolla l-ballun u ġibdu fuq il-lemin biex b’xutt fil-baxx ma tax ċans lil Thomas Strakosha.

Dan il-gowl ta stimolu ġdid lill-Kroati u l-gowl dawru l-logħba proprju żewġ minuti wara. Mario Pasalic għadda fuq ix-xellug u tefa’ kross għan-nofs, ix-xutt ta’ Kramaric ġie blokkat mid-difiża u b’mod sfortunat ħabat ma’ Klaus Gjasula u baqa’ dieħel fix-xibka.

L-Albanija tefgħet kollox fuq l-attakk fl-aħħar minuti u fil-95 minuta wasal il-gowl tad-draw b’mod drammatiku. Kross fil-baxx mix-xellug ta’ Mario Mitaj ġie mxellef ftit u l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ KLAUS GJASULA li xeħet fil-baxx wara Livakovic u patta għall-isfortuna ta’ ftit minuti qabel.