Lokali Parlament

L-Awtorità tal-Ippjanar hi waħda mill-kawżi prinċipali għad-diżastru ambjentali


Albert Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-Parlament li l-Awtorità tal-Ippjanar hi waħda mill-kawżi prinċipali għad-diżastru ambjentali li hawn għad-detriment tal-poplu.


L-ibliet u l-irħula qed jitilfu l-identità minħabba deċiżjonijiet oxxeni li ħadet l-Awtorità tal-Ippajnar. Dan minħabba l-interessi partiġjani u l-kisba tal-voti. Hu semma’ diversi proġetti mostrużi li kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u qal li dawn qed jaffettwaw lill-komunitajiet madwar il-pajjiż kollu.


Id-deputat Nazzjonalsta qal li Malta saret qisha gallinar tat-tiġieġ bil-bini fuq xulxin li nbena. L-Awtorità qed toħroġ permessi bla pjan u kontra l-policies tagħha stess waqt li tinjora lill-Ombudsman tal-Ambjent. L-Awtorità qed tippromwovi l-mentalità li l-ewwel isir it-taħwid fil-bini u aktar tard dan ikun approvat.


L-Awtorità qed teħodha wkoll kontra sentenzi tal-Qorti dwar binjiet għolja u dojoq. Minkejja dawn is-sentenzi, l-Awtorità qed tipproponi li din il-policy kundannata mill-Qorti, issir il-policy tal-Awtorità. Dan se jwassal biex il-pajjiż se jkollu iktar bini għaliex issa l-kunsiderazzjonijiet se jkinu bil-metraġġ u mhux bis-sulari.


Albert Buttigieg qal li se jkun hemm ċirkostanzi fejn se jinbnew ħitan għoljin b’effetti negattivi fuq id-dawl naturali.