Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar saret l-Awtorità tal-permessi għal bini bl-addoċċ u bla ppjanar


Bernice Bonello, PN


Id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello qalet fil-Parlament li l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ tissejjaħ Awtorità ta’ permessi flok ta’ ppjanar għaliex kullimkien sar bini bl-addoċċ u bla ppjanar.


Dan hu pajjiż żgħir b’limitazzjonijiet u għalhekk irid ikun hemm attenzjoni ikbar biex il-bini jkun sostenibbli. Ħafna mill-bini hu ikrah, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li qabel fil-pajjiż kien hawn iz-zoni li fiha kien stabbilit x’tip ta’ bini jista’ jsir. Illum dan il-kunċett ta’ zoni spiċċa.


Bernice Bonello semmiet sitwazzjoni fis-Swieqi u qalet li s-Swieqi m’għandux spazji miftuħa u m’hemmx skola. Minfok se jsir spazju miftuħ f’biċċa art, issa hemm applikazzjoni għal żvilupp.


Il-gvern mhux jagħmel xejn dwar din is-sitwazzjoni, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li enfasizzat l-importanza tas-saħħa mentali fl-istil ta’ ħajja tal-lum. Kull lokal għandu jkun pjan sostenibbli għall-iżvilupp pożittiv tal-komunità, sostniet id-deputat Nazzjonalista.