L-għażla ta’ Robert Abela li jinnomina lil Edward Zammit Lewis bħala Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, hi insult lejn kull min jemmen fil-ġustizzja.
Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina hekk kif insista li l-għażla ta’ Edward Zammit Lewis tikkonferma li Robert Abela ma jinteressah xejn mill-bżonn li f’pajjiżna tinġarr ir-responsabbiltà politika u qed jagħżel li jippremja lil dawk li abbużaw mill-pożizzjoni politika tagħhom.
Huwa saħaq li għalhekk, il-Prim Ministru għandu jirtira n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis u minflok, iniedi proċess ta’ għażla pubbliku biex tintgħażel persuna li tkun tassew tagħmel ġieħ lil Malta fil-Qorti tal-Unjoni Ewropea. L-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-mertu u mhux fuq il-konvenjenza politika partiġjana.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Edward Zammit Lewis kien jifforma parti minn Gvern li ġie kkundannat minn tliet Imħallfin għall-klima ta’ impunità li ħoloq u li wasslet għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fix-xhur u s-snin li għaddew, ġie żvelat li Edward Zammit Lewis hu ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black u l-persuna li hi akkużata fil-Qorti bħala l-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li Edward Zammit Lewis, flimkien ma’ Robert Abela, kien iddieħak bl-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u bil-Partit Nazzjonalista meta kienu qed jaħdmu biex tkun żgurata investigazzjoni dwar il-kumpanija ta’ korruzzjoni 17 Black. Edward Zammit Lewis u Robert Abela kienu ddeskrivew lil Simon Busuttil bħala “theddida għas-saltna tad-dritt”.
//= $special ?>