F’Cologne mistennija reazzjoni mill-Iskozja wara t-telfa kbira li sofrew fl-ewwel ħarġa tagħhom minn Grupp A. Telfa fil-konfront tal-lum kontra l-Iżvizzera tagħlaq il-possibbiltà ta’ kwalifikazzjoni awtomatika u jkunu jistgħu biss jittamaw li jkunu wieħed mill-aħjar erba’ timijiet li spiċċaw it-tielet biex jgħaddu mal-aħħar 16.
Iktar inkwetanti għal Steve Clarke kienet il-prestazzjoni tat-tim. Huma kienu maqtugħa mil-logħba prattikament sal-ewwel kwart tal-konfront u t-tkeċċija lejn tmiem l-ewwel taqsima ta’ Ryan Porteous żgur li ma kinitx ta’ għajnuna.
L-avversarji tagħhom ġejjin minn rebħa tajba kontra l-Ungerija. L-Iżvizzeri skorjaw darbtejn fl-ewwel taqsima minn Kwadwo Duah u Michel Aebischer u setgħu jamministraw il-logħba aħjar. Anki jekk fit-tieni taqsima, naqqsu ftit l-intensità u sofrew il-gowl ta’ Barnabas Varga, Breel Embolo assigura lejn it-tmiem li jiksbu rebħa b’vantaġġ doppju. Permezz ta’ din ir-rebħa, l-Iżvizzera taċċerta minn post mal-ewwel tnejn.
Il-kowċ nazzjonali Skoċċiż Steve Clarke se jkollu żgur jagħmel bidla fid-difiża flok is-sospiż Porteous. Grant Hanley jew Scott McKenna se jkun is-sostitut, b’tal-ewwel hu l-favorit. Billy Gilmour mistenni jibda mill-bidu u jista’ jkkun li jkun inkluż ukoll Lawrence Shankland għas-spejjeż ta’ Che Adams.
Murat Yakin jista’ jkollu lura lil Denis Zakaria li kien imweġġa’ fl-ewwel logħba, għalkemm mhux mistenni li jibda. Steven Zuber għadu jitħarreġ waħdu filwaqt li Silvan Widmer u Remo Freuler jinsabu karta safra bogħod minn sospensjoni. Duah mistenni jerġa’ jingħata l-fiduċja fl-attakk.
//= $special ?>