Il-logħba tat-Tlieta filgħaxija bejn il-Portugall u r-Repubblika Ċeka mhux biss kienet importanti għaż-żewġ timijiet iżda spikkat fuq livell personali għal Pepe u Cristiano Ronaldo. Bid-dehra tagħhom f’din il-logħba, iż-żewġ plejers Portugiżi stabilixxew rekords personali.
Cristiano Ronaldo qed jimmira għal diversi rekords personali f’din l-edizzjoni u fosthom sar l-ewwel plejer li lagħab f’sitt edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew u kiser ir-rekord li kien għand Iker Casillas ta’ Spanja.
Il-plejer ta’ 39 sena qed jipprova jikser ukoll ir-rekord tal-ixjaħ plejer li skorja u jsir l-aktar plejer li rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb fil-Kampjonat Ewropew. Ronaldo deher ukoll li se jikser ir-rekord tal-ixjaħ plejer li lagħab f’Kampjonat Ewropew iżda sieħbu Pepe lagħab ukoll u b’hekk sar hu l-ixjaħ plejer li lagħab fl-istorja.
Fl-età ta’ 41 sena u 113-il ġurnata, Pepe kiser ir-rekord li kien għand Gabor Kiraly. Fl-età ta’ 40 sena u 86 ġurnata, Kiraly kien iddefenda l-lasta tal-Ungerija kontra l-Belġju mal-aħħar 16 fil-Kampjonat Ewropew tal-2016. Qabel iż-żewġ plejers Portugiżi, ir-rekord tal-ixjaħ plejer li mhux gowlkiper kien tal-leġġenda Ġermaniża Lothar Matthaus fl-età ta’ 39 sena u 91 ġurnata.
Pepe ġej minn 35 logħba ma’ Porto fl-istaġun li għadda filwaqt li Cristiano Ronaldo skorja 44 gowl u serva 13-il assist f’46 logħba ma’ Al-Nassr. Il-kowċ nazzjonali tal-Portugall Roberto Martinez kien għamilha ċara li t-tnejn li huma għadhom fil-ħsibijiet tiegħu.
Jekk il-Portugiżi li qed jitqiesu minn uħud fost il-favoriti li jirbħu l-kompetizzjoni, jaslu sal-finali, kemm Pepe kif ukoll Cristiano Ronaldo jkollhom ċans għal rekord ieħor. Dan hu li jkunu l-ixjaħ plejers li jilagħbu f’finali. Fil-preżent ir-rekord jinsab għand l-eks gowlkiper Ġermaniż Jens Lehmann li kien lagħab kontra Spanja fl-età ta’ 38 sena u 232 ġurnata fl-edizzjoni tal-2008.
//= $special ?>