Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet nominata uffiċjalment bħala l-kandidata tal-Grupp tal-EPP għall-President tal-Parlament Ewropew. In-nomina ġiet ikkonfermata wara vot ta’ approvazzjoni mill-MPE tal-EPP f’laqgħa fil-magħluq.
Waqt id-diskors tagħha quddiem il-188 MPE tal-EPP, il-President Metsola qalet: “Li nikkontesta biex inkun mill-ġdid il-kandidat tagħkom għall-elezzjoni għall-President tal-Parlament Ewropew hija responsabbiltà li nieħu bis-serjetà; li nifhem hija deċiżjoni li għandha piż kbir fuqna lkoll. Jien kburija li jien politiku. Jien kburija li jien MPE favur l-Ewropa. Jien kburija li nirrappreżentakom bħala President. Għal tifla li trabbiet fuq gżira f’nofs il-Mediterran, dan huwa l-privileġġ ta’ ħajjitha.”
L-MPE Maltija, li ġiet eletta b’ammont rekord ta’ voti mill-poplu Malti u Għawdxi proprju l-ġimgħa li għaddiet, żiedet tgħid li se tibqa’ taħdem bla heda biex trodd lura l-fiduċja li esprima l-poplu fiha.
Il-President Metsola qalet: “Nagħmel dan il-pass b’sens ta’ kburija li nirrappreżenta lill-poplu ta’ Malta u Għawdex.”
Il-pass li jmiss huwa li l-plenarja tal-Parlament Ewropew tivvota dwar min għandu jservi bħala President għas-sentejn u nofs li ġejjin. Jekk Roberta Metsola tiġi eletta President, tkun l-ewwel mara u t-tieni persuna li qatt mexxiet l-unika Istituzzjoni Ewropea eletta direttament għal żewġ mandati konsekuttivi.
Bernard Grech jawgura lil Roberta Metsola
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Roberta Metsola, hekk kif ġiet ikkonfermata bħala l-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew. Hi kienet nominata b’mod unanimu mill-membri kollha tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.
Hu ta’ unur għall-Partit Nazzjonalista li MEP Maltija eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista, li diġà għamlet unur lill-Malta fis-snin li għaddew u ċert li se tkompli tagħmel unur lil Malta fis-snin li ġejjin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel kuntatt ma’ Roberta Metsola u awguralha għall-kandidatura tagħha.
//= $special ?>